Wednesday, November 13, 2024

Arrestawha għax libset it-‘two piece’ f’San Ġiljan

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju sittin sena ilu, bħal dan iż-żmien,  id-diskussjoni li kienet għaddejja kienet dwar l-Interdett u l-maħfra, li tħabbret u l-kisba tal-Indipendenza.  Ma’ dan iżda proprju ftit jiem wara l-Indipendenza tfaċċa każ li kien jinvolvi  Ingliża li spiċċat ittellgħet il-Qorti għax marret tgħum f’San Ġiljan, b’malja ‘two piece’.

Dan anke wassal biex f’pajjiżna ġiet il-midja barranija issegwi l-każ. Wieħed irid iżommu f’moħħu li proprju ftit snin qabel kien hemm kontroversji sħaħ dwar it-‘two piece’ fejn anke l-Vatikan kien tkellem kontriha b’diversi pajjiżi anke fl-Ewropa jipprojbixxuha. 

U f’Malta ukoll kellna l-arresti. Filfatt  proprju  f’Settembu tas-sena 1964 tfajla Ingliża ġiet arrestata minħabba li kienet liebsa ‘two piece’ każ li qajjem diskussjoni, liema diskussjoni baqgħet għaddejja sakemm hi tressqet il-qorti. Xahar wara iżda kienet liberata mill-akkużi.

Ir-rapporti ta’ dakinhar kienu jgħidu hekk: “Tfajla ħelwa Ingliża nhar is-Sibt filgħodu għandha tiġi mressqa l-Qorti tal-Maġistrati akkużata li kienet liebsa indiċenti fil-pubbliku. Christine Adama ta’ 21 sena minn Surrey dan l-aħħar kienet qed tgħum fil-Mediterranean Sports Club f’San Ġorġ meta żewġ pulizija pajżana qalulha li kienet liebsa indiċenti u għamlulha rapport. 

Christine qalet li l-bikini li kienet liebsa ma kinux indiċenti. “Fil-Qorti se ngħid lill-Maġistrat kif xtrajt il-bikini minn supermarket f’Tas-Sliema u għalhekk ma jistax ikun li huma indiċenti”.

Hi qalet li ma kinitx qed tgħum f’post pubbliku għax il-Mediterranean  Sports Club hu stajta privata li hi miftuħa għall-membri biss. “Jien ma kont qed nagħti fastidju lil ħadd u kont għall-affari tiegħi qed naqra l-gazzetta meta ġew il-Pulizija”. Hi spjegat li hi persuna reliġjuża ħafna u qed tistudja biex issir Kattolika. “Ix-xewqa tiegħi hi li niżżewweġ xi ġuvni Malti u nibqa’ ngħix hawnhekk”.

Xi jiem wara meta kompla l-każ quddiem il-Qorti, il-Maġistrat talab lin-nurmu kbir ta’ rappreżentanti tal-istampa lokali u barranija li qed jirrappurtaw il-każ, biex jirrappurtaw dan il-każ eżatt.  Il-Maġistrat għamel din it-talba wara li l-avukat difensur ta’ Christine, irrimarka fuq ħafna ineżattezzi  li dehru fuq il-gazzetti fir-rapporti tal-kawża. 

L-avukat qal li mhux veru li l-Qorti ordnatlu jesebixxi xi ritratti ta’ Christine bit-‘two piece’. L-avukat qal li l-Mediterranean Aquatic Sports Centre fil-Bajja ta’ San Ġorġ  hu post privat u għalhekk se toqgħod bit-‘two piece’. 

Fl-24 ta’ Ottubru, il-Qorti tat is-sentenza tagħha. Ir-rapporti dakinhar qalu li: “Christine Adams ġiet illiberata mill-Maġistat Dr. J Debono minn akkuża li kienet liebsa indiċenti fil-publbiku billi kienet liebsa ‘two piece’ fil-Mediterranean Sports Centre f’San Ġorġ. Fis-sentenza tiegħu.

Dr Debono qal li l-Qorti kellha tiddeċiedi jekk tfajla, liebsa ‘two piece’ f’aquatic sports centre, li hu espost għall-pubbliku, kinitx indiċenti.  Hi l-fehma tal-Qorti, kompliet tgħid il-Qorti, li l-average member tal-pubbliku ma jara l-ebda indiċenza f’two piece moderata meta min jilbisha jkun f’post bħal ‘aquatic sports centre’. It-two piece ta’ Christine Adams ma kinitx immodesta.

Din il-fehma ma tfissirx li t-turisti u frustierii oħra se jiġu trattati bi ħniena  fi kwistjonijiet ta’ diċenza pubblika, lanqas jekk iġibu skuża li fil-pajjiż tagħhom huma aktar laxki.”

Ir-rapporti komplew jgħidu li “dwar il-fatt li Christine Adams xtrat it-two piece minn ħanut hawn Malta, Dr Debono qal fis-sentenza  tiegħu, li dan ma jgħoddx. F’pajjiżi oħra, bħall-Istati Uniti, għalkemm it-top less kienu setgħu jinxtraw  mill-ħwienet il-Qrati ma ppermettewx li jintlibsu”.

Il-bikini u l-kontroversja marbuta magħhom kienet tfaċċat fis-sena 1946 meta nħareġ id-disinn tal-bikini, li l-isem tagħha ‘Bikini Atoll’, ingħata għaż-żona li fiha f’dak iż-żmien l-iStati Uniti kienet qed tagħmel testijiet nuklejari. 

Il-magazine tal-moda ‘Modern Girl’  kien qal li mhemmx kliem x’wieħed jgħid li dawk li qed jissejħu bikini mhux se jintlibsu minn tfajliet ta’ diċenza. 

Ħafna xtajtiet popolari u pajjiżi fosthom Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugal u Awstralja ipprojbixxew li jintlibsu l-bikini. Għadd ta’ postijiet fl-Istati Uniti ukoll ipprojbixxewha. Il-Vatikan kien ikkundannaha ukoll.

Ġara iżda li diversi atturi nisa u mudelli bdew jilbsuhom. Fis-snin ħamsin artisti bħala Bettry Grable, Marilyn Monroe, Elizabeth Taylor u oħrajn ħadu vantaġġ u bdew jippożaw lebsin il-bikini. 

Ekonomija

Sport