Arsenal iltaqgħu ma’ Real Madrid din il-ġimgħa biex jiddiskutu ftehim ta’ self possibbli għal Eden Hazard.
Il-player ta’ 31 sena, li bħalissa jinsab barra mill-azzjoni u qed jirkupra minn operazzjoni f’siequ, reġa’ tħabat biex iħalli l-marka tiegħu għal Los Blancos f’dan l-istaġun, irnexxielu jiskorja goal wieħed biss u jipprovdi żewġ assists fi 22 partita fil-kompetizzjonijiet kollha.
Hazard għad fadallu aktar minn sentejn fil-kuntratt tiegħu fil-Bernabeu, iżda t-team immexxi minn Carlo Ancelotti jingħad li hu miftuħ li jħallih jitlaq matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.
Arsenal iltaqgħu ma’ Real Madrid aktar kmieni din il-ġimgħa biex jiddiskutu ‘self b’għażla ta’ xiri’ possibbli fis-suq li ġej.
Madankollu, Hazard bħalissa mhux qed jikkunsidra li jingħaqad mal-Gunners, peress li jrid jibqa’ jiġġieled għall-karriera tiegħu ma’ Real Madrid.
Huwa maħsub li l-attakkant mhux ħerqan li jibdel il-clubs proprju fis-sena tat-Tazza tad-Dinja u huwa konvint li jista’ jirritorna għall-aqwa forma tiegħu fl-istaġun li ġej.
Hazard kien protagonista għal Chelsea fil-Premier League bejn l-2012 u l-2019 iżda tħabat biex iħalli l-marka tiegħu ma’ Real Madrid minn mindu ingħaqad magħhom fi trasferiment li nvolva flus kbar.