Fil-Premier League Ingliż, Arsenal fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti meta filwaqt li Manchester City spiċċaw fi draw ta’ 1-1 minn Everton, il-Gunners għelbu lil Brighton bl-iskor ta’ 4-2.
Huma ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara biss żewġ minuti fetħu l-iskor minn Bukayo Saka.
Kien goal li tahom saħħa psikoloġika u mentali biex skorjaw darbtejn oħra minn Martin Odegaard (39) u Edward Nketiah (47).
Peró Kaoru Mitoma (65) naqqas il-marġni tal-iskor iżda sitt minuti wara Gabriel Martinelli aċċerta r-rebħa għal Arsenal minkejja li Evan Ferguson (77) skorja għas-Seagulls.
Fid-89 minuta Mitoma skorja għal Brighton iżda l- goal ġie mħassar għal pożizzjoni ta’ offside.
Man City v Everton – Manchester City fallew żewġ punti mill-aktar importanti fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu meta ġew miżmuma minn Everton bl-iskor ta’ 1-1.
Fil-veritá huma kellhom l-inizjattiva fejn Everton għażlu li jiddefendu u joperaw bil-kontrattakki.
Huma fetħu l-iskor minn Erling Haaland (24) u kien hemm antiċipazzjoni li s- City kienu se jiddominaw.
Iżda wara li kontra x-xejra tal-logħob Everton kisbu d-draw bi ġmiel ta’ goal minn Demarai Gray (64) b’xutt minn tarf il-kaxxa, it-Toffees “bnew ħajt” li bl-ebda mod ma l-avversarji setgħu jippenetraw.
Bournemouth v C. Palace – Crystal Palace rritornaw għar-rebħ meta barra minn darhom għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fl-ewwel taqsima minn Jordan Ayew (19) u Eberechi Eze (36).
Fulham v Southampton – Fulham irreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva meta f’darhom għelbu lil Southampton bl-iskor ta’ 2-1, bis-Saints isofru l-ħames telfa infila.
Il-goals tal-Cottagers waslu minn auto-goal ta’ James Ward-Prowse (32) u Joao Palhinha (88) filwaqt li l-istess Ward-Prowse (56) kiseb id-draw momentarju għal Southampton.
Newcastle v Leeds – F’darhom Newcastle ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Leeds biex fallew żewġ punti fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa.