Friday, November 22, 2024

Arsenal jirbħu l-Community Shield

Aqra wkoll

Manchester City ……1

Arsenal ……………….1

(Arsenal 4-1 bil-penalties)

Hekk kif tela’ s-siparju tal-football Ingliż għal dan l-istaġun, Arsenal reb­ħu l-Community Shield meta għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1. 

Wara bidu kwiet, iż-żewġ timijiet bdew ifittxu l-goal tal-vantaġġ u għaldaqstant il-partita bdiet issir aktar movimentata.  

Fil-15-il minuta, Rodri, li skorja l-uniku goal fil-finali tal-UEFA Champions League biex Manchester City għelbu lil Inter, resaq ferm viċin li jiftaħ l-iskor meta t-tentattiv tiegħu ġie devjat u għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. 

Tliet minuti wara, il-coach ta’ Arsenal, Mike Arteta, ġie muri l-karta s-safra għal protesti eċċessivi. 

Il-Gunners bdew jidħlu fil-logħba u anke ġiegħlu lill-avversarji jirtiraw lura. 

U prorpju fis-26 minuta, kienu għoddhom skorjaw meta Ben White għadda l-ballun f’tarf il-kaxxa ż-żgħira lil Kai Havertz li minkejja li kien żbilanċjat dar u x-xutt tiegħu ġie salvat parzjalment bi tbatija mill-goalkeeper, Stefan Ortega, u r-rebound ta’ Gabriel Martinelli ġiet mblukkata minn John Stones. 

Fil-41 minuta, Arsenal fallew ċans tad-deheb meta Bukayo Saka għadda l-ballun lejn Havertz li minn pożizzjoni ideali u bl-għajta tal-goal, ra t-tentattiv tiegħu jiġi milqugħ minn Ortega. 

U eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima kienu se jpattu qares għal dan in-nuqqas meta Rodri ra lill-goalkeeper, Aaron Ramsdale, barra minn post u minn 55 metru bogħod illobja l-ballun iżda għadda ftit ċentimetri minn fuq il-mimduda. 

Fit-53 minuta, Ramsdale evita goal ċert meta salva d-daqqa ta’ ras ta’ Stones minn taħt il-lasti minn az­zjo­ni ta’ corner. 

Fid-69 minuta, fuq in-naħa l-oħra, Saka naqas li jikkonnettja mill-cross ta’ White fejn seta’ xeħet fix-xib­ka. 

Fit-72 minuta, l-akkwist il-ġdid ta’ Arsenal, Jurrien Timber, imblokka fil-ħin lil Cole Palmer li kien għadu kif daħal minflok Erling Haaland li prattikament iddiżappunta. 

Iżda fis-77 minuta, l-is­tess Cole Palmer fetaħ l-iskor meta daħal fil-kaxxa u dawwar il-ballun għal ġewwa, b’Ramsdale megħlub għal kollox. 

Erba’ minuti mit-tmiem, l-istess Ramsdale wettaq żewġ saves brillanti fuq Phil Foden u fuq daqqa ta’ ras ta’ Rodri.

U filwaqt li ngħata l-ħin miżjud, bis-Citizens kienu qed jidhru li kienu se jirbħu dan l-unur, proprju fil-111-il minuta, Arsenal kisbu d-draw meta x-xutt ta’ Leandro Trossard ħabat mad-di­fensur, Manuel Akanji, u bidel id-direzzjoni tal-ballun, inganna bil-goalkeeper Ortega … u daħal fix-xibka.

Għaldaqstant kellhom jingħataw il-penalties minflok il-ħin barrani. 

Għal Arsenal skorjaw, Martin Odegaard, Leandro Trossard, Bukayo Saka u Fabio Vieira filwaqt li għas-City skorja Bernardo Silva u fallew Kevin De Bruyne u Rodri.  

Sport