Arsenal se jisimgħu offerta xierqa għall-goalkeeper Bernd Leno fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar.
L-internazzjonali tal-Ġermanja sab ruħu fuq il-bank għall-aħħar żewġ partiti tal-Premier League ta’ Arsenal, li matulhom Aaron Ramsdale żamm clean sheets wara xulxin kontra Burnley u Norwich City.
Barra minn hekk, il-ftehim eżistenti ta’ Leno ma’ Arsenal issa fadallu inqas minn sentejn, u l-ex player tal-Gunners Kevin Campbell ħeġġeġ lill-club biex ibiegħ il-goalkeeper qabel ma jitlaq bi free transfer.
Leno huwa improbabbli li jkun għadu fuq il-kotba ta’ Arsenal għall-istaġun 2022-23, u l-Gunners mistennija jisimgħu l-offerti għall-goalkeeper ta’ 29 sena matul ix-xitwa.
Ritorn fil-Bundesliga huwa l-iktar għażla probabbli għall-ex goalkeeper ta’ Bayer Leverkusen, li żamm 34 clean sheet minn 120 logħba bil-flokk ta’ Arsenal.
Leno jista’ jirritorna fil-formazzjoni inizjali ta’ Mikel Arteta meta l-Gunners jospitaw lil AFC Wimbledon fil-partita mit-tielet round tal-EFL Cup.