Inizjattiva ta’ tfajjel ta’ 12-il sena se twassal biex art f’żona tal-iżvilupp fis-Swieqi se tinbidel fi spazju miftuħ għat-tgawdija ta’ tfal oħra u għall-bqija tal-komunità tas-Swieqi. L-art ta’ madwar 450 metru kwadru ġiet mgħoddija mill-Awtorità għall-Artijiet lil Project Green, biex l-aġenzija tkun tista’ tassisti l-organizzazzjoni volontarja ta’ Thomas Gatt twettaq din il-ħolma.
Waqt laqgħa mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, Thomas u l-ġenituri tiegħu spjegaw kif it-tifel minn dejjem kellu għal qalbu l-ambjent, u ried ikun attiv bl-involviment tiegħu. B’hekk nibtet l-idea tal-għaqda volontarja, Making Malta Beautiful Again (MMBA), biex Thomas ikun jista’ jħeġġeġ tfal oħra bħalu, imiddu jdejhom u jikkontribwixxu għal ambjent isbaħ.
Id-dedikazzjoni ta’ Thomas ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati, tant li ntlaħaq ftehim biex Thomas u l-għaqda volontarji se jikkontribwixxu fil-ħolqien u l-manutenzjoni ta’ spazju ġdid miftuħ fil-qalba tas-Swieqi. L-art tinsab fiż-żona tal-iżvilupp u viċin il-knisja parrokkjali, biex b’hekk tkun eqreb tal-komunità. “L-idea tiegħi kienet li biċċa art tal-gvern, insebbħuha billi nagħmluha żona ħadra sabiħa fil-qalba tan-natura, maħluqa u miżmuma mill-komunità tal-madwar, iżda fuq kollox biex titgawda mill-komunità,” spjega Thomas.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Kull spazju miftuħ li noħolqu jew nirriġeneraw għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità tal-madwar. Meta ltqajt ma’ Thomas u l-ġenituri tiegħu rajt mhux biss l-entużjażmu tat-tifel għal proġetti ta’ spazju miftuħa imma d-determinazzjoni li jrid jasal. B’hekk nibtet l-idea li ngħinu lil Thomas iwettaq il-ħolma tiegħu – bħalma qed ngħinu għaqdiet u kunsilli oħra jwettqu l-ħolm tagħhom għal ġonna, parks u widien isbaħ u aktar aċċessibbli.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li t-trasferiment ta’ din l-art lil Project Green, huwa parti minn proċess li qed isir mill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu identifikati artijiet f’żoni urbani għal spazji ħodor. Il-Ministru fisser l-inizjattiva ta’ Thomas bħala inizjattiva li tagħti spazju għall-komunità filwaqt li tkompli ħidma biex il-gvern iwettaq il-wegħda ta’ aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalitajiet. Bl-assistenza ta’ Project Green, se jibda x-xogħol ta’ tindif fuq is-sit identifikat. Fl-istess ħin, bl-għajnuna ta’ perit tal-istess aġenzija, Thomas se jkun qed joħloq id-disinn tal-ġnien, biex wara jingħata bidu għal proċess ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.