Il-coach ta’ Arsenal, Mikel Arteta, ċaħad rapporti li b’xi mod se jingħaqad ma’ Barcelona fi tmiem l-istaġun.
Din l-aħbar ħarġet wara li nhar is-Sibt li għadda, Xavi Hernandez ħabbar li f’Ġunju li ġej se jirriżenja mill-kariga tat-tmexxija tat-team Katalan.
Il-media Spanjola qalet li Arteta, li huwa prodott tal-akkademja ta’ Barcelona, kien qed jaħseb ukoll li jħalli l-kariga tiegħu mal-Gunners.
“Min, jien? Le. Dik hija aħbar totalment falza,” qalet Arteta, li l-kuntratt tiegħu ma’ Arsenal jibqa’ għaddej sas-sajf tal-2025.
“Ninsab irrabjat fuq dak li qrajt. Ma stajtx nemmen. Ninsab fil-post it-tajjeb man-nies tajbin u nħossni tassew tajjeb ħafna fl-ambjent li qed naħdem fih.
“Qed inħaddan vjaġġ sabiħ ma’ dan il-club u għad fadal ħafna x’nagħmel. Għandi relazzjoni b’saħħitha mal-bord.
“L-affarijiet jiġu b’mod naturali. Meta jkun il-ħin it-tajjeb ikollna dawk id-diskussjonijiet tal-kuntratt u nsibu l-aħjar mod biex nittrattawhom.”
Arteta qatt ma lagħab partita kompetittiva għall-ewwel team ta’ Barcelona u, wara perijodu ta’ self ma’ Paris St-Germain, l-eks midfielder kompla jilgħab ma’ Rangers, Real Sociedad, Everton u Arsenal.
Wara li rtira, ħadem bħala coach taħt Pep Guardiola ma’ Manchester City qabel, fl-2019, huwa nħatar bħala l-coach ta’ Arsenal.
Huwa rebaħ l-FA Cup mal-club tat-tramuntana ta’ Londra fl-2020 u Arsenal spiċċaw it-tieni wara Manchester City fil-Premier League l-istaġun li għadda.
Il-Gunners jinsabu t-tielet – ħames punti taħt il-leaders Liverpool – u proprju t-Tlieta jmorru jilagħbu għand Nottingham Forest.
Għadhom ukoll fiċ-Champions League hekk kif se jiltaqgħu ma’ Porto fl-Aħħar 16.