Ed Sheeran, Lizzo u Billy Eilish huma fost l-istilel li se jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-kunċert ta’ 24 siegħa li se jkun qiegħed jittella’ bil-għan li tinħoloq kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, l-inugwaljanza tal-vaċċin u l-ġuħ.
’Il fuq minn 60 artist se jkunu qegħdin jipparteċipaw f’The Global Citizen fi bliet bħalma huma New York, Londra u Seoul.
Għexieren ta’ eluf ta’ persuni mistennija jattendu, filwaqt li miljuni oħra mistennija jsegwu l-kunċert minn xandiriet oħrajn.
Dan il-kunċert qiegħed jitqies bħala wieħed mill-akbar attivitajiet internazzjonali fejn tidħol il-karità u l-organizzaturi mhumiex qegħdin jimmiraw li jagħmlu flus iżda li jiġbdu l-attenzjoni tal-mexxejja biex tittieħed azzjoni.
Fost it-talbiet tal-organizzazzjoni, il-gvernijiet internazzjonali qed jiġu msejħin biex jiżirgħu biljun siġra, joffru biljun doża tal-vaċċin lil dawk il-pajjiż l-aktar foqra u jagħtu donazzjoni ta’ 41 miljun ikla lil dawk l-aktar bil-ġuħ.