Sunday, November 10, 2024

ASMK Kampjonat Nazzjonali Motocros 2021/22

Aqra wkoll

L-aħħar attivitá tal-motocross għal din s-sena ġiet mtella’ t-Tnejn 13 ta’ Dicembru. Dan kien it-tieni round tal-ASMK Kampjonat Nazzjonali Motocross. Din kienet waħda mill-iktar attivitajiet li kellha konkorrenza għal din s-sena hekk kif 34 sewwieq kienu reġistrati.

Fl-ewwel tiġrija tal-Klassi A, Kyle Camilleri iddomina mill-bidu sat-tmiem b’Bernard Sammut jidħol fit-tieni post. It-taqtiegħa għat-tielet post kienet bejn Melvin Borg u Clayton Camilleri, b’dan tal-ewwel jirnexxileu jakkwista t-tielet post fl-aħħar battuti tat-tiġrija. It-tieni tiġrija kellha storja pjuttost simili hekk kif Kyle u Benard iddominaw u daħlu fl-ewwel u t-tieni postijiet rispettivament, filwaqt li Clayton Camilleri daħal fit-tielet post. Ir-rebbieħ overall ta’ Klassi A kien Kyle Camilleri fuq KTM 250, Bernard Sammut fuq Beta 300 fit-tieni post u Clayton Camilleri fit-tielet post fuq KTM 350.

Klassi B kompliet toffri spettaklu hekk kif l-ewwel żewġ pożizzjonijiet kienu ferm viċin matul it-tiġrija. Fl-ewwel tiġrija ta’ din il-Klassi Biuren Grima kellu bidu tajjeb segwit minn Jose Azzopardi, izda inċident sfortunat għal Jose niżżlu fl-aħħar post. Aiden Galea ħa vantaġġ minn dan biex spiċċa t-tieni filwaqt li Jose rnexxielu jagħmel rimonta impressjonanti biex spiċċa fit-tielet pożizzjoni. It-tieni tiġrija ukoll kienet mirbuħa minn Biuren b’Jose viċin fit-tieni post filwaqt li Aiden spiċċa t-tielet. Biuren Grima kien ir-rebbieħ overall ta’ Klassi B fuq KTM 250, Jose Azzopardi t-tieni fuq Husqvarna 125 u Aiden it-tielet fuq KTM 150.

Fl-ewwel tiġrija tal-Klassi Veterani, Paul Deguara u Daniel Borg, issieltu għall-ewwel post b’dan tal-ewwel jirnexxielu joħroġ rebbieħ. Jethro Sant spiċċa fit-tielet post wara li irnexxielu jżomm d-distanza fuq William Sant li spiċċa fir-raba’ post. Fit-tieni tiġrija, Paul Deguara rebaħ b’mod komdu hekk kif Daniel ma bediex it-tiġrija minħabba ħsarat mekkaniċi. Jethro Sant daħal fit-tieni post segwit minn William Sant. Għaldaqstant Paul Deguara fuq KTM ġie fl-ewwel post overall, b’Jethro t-tieni fuq Yamaha u William t-tielet fuq Honda.

Fl-istess ġurnata ġiet mtella’ wkoll il-Klassi tal-Juniors bis-sehem ta’ erba’ sewwieqa żgħażagħ u promettenti. L-etá tal-parteċipanti ta’ din il-Klassi varjat bejn 10 u 14-il sena. Iż-żewġ tiġrijiet intrebħu minn Sheizyn Mercieca fuq KTM filwaqt li Ike Zarb fuq Yamaha temm it-tieni fiż-żewġ tiġrijiet. Fl-ewwel tiġrija, Isaac Borg daħal it-tielet quddiem Shastille Pullicino b’din tal-aħħar tieħu t-tielet post fit-tieni tiġrija u overall.

Sport