Fid-diskors tiegħu waqt l-Assemblea Ġenerali, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, saħaq li l-objettiv tal-Assoċjazzjoni għas-snin li ġejjin huwa li jsaħħaħ il-kotba finanzjarji.
Dan minħabba li d-defiċit kiber minħabba l-effetti li ħalliet il-Covid-19 fejn tkellem ukoll fuq pjan biex is-sitwazzjoni finanzjarja tkun waħda stabbli.
Id-diskors tal-president kien dan:
Huwa ta’ sodisfazzjon li qiegħed hawn quddiemkom illum biex nagħlqu staġun tal-football li finalment intemm kif oriġinarjament ippjanat u allura bl-eżiti kollha jkunu deċiżi fuq il- pitch. Mil-lat sportiv nistgħu ngħidu li kien staġun pożittiv li wassal ukoll għall-irtar tar-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija u dan kollu għandu jindika bidla importanti għal kulħadd u allura biex inkunu ċerti li l-istaġun il-ġdid iwassal għal aktar stabbilità. Flimkien irridu nibqgħu nirrispondu b’miżuri konkreti li jagħtuna raġun fuq perjodu itwal ta’ żmien għaliex fl-immedjat it-triq quddiemna għadha iebsa u mimlija sfidi.
Fil-fatt f’April li għadda fl-aħħar Assemblea Ġenerali meta ppreżentajna r-rendikont finanzjarju, konna kkommettejna li nimplimentaw pjan ta’ rkupru biex id-defiċit li ġarrabna minħabba s-sitwazzjoni medika li laqtet mhux ftit l-operat tal-isport, ikun irkuprat fi żmien aċċettabli. Dan nagħmluh mingħajr ma naqtgħu minn dawk li huma l- proġetti ewlenin fl-iżvilupp tal-logħba permezz tal-ħidma konġunta bejn iċ-Ċentru Tekniku, il-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol u l-clubs membri tagħna, anki permezz tal- akkademji u n-nurseries. Bl-istess mod mingħajr ma naqtgħu xejn mill-investimenti fl- infrastruttura tal-faċilitajiet sportivi f’Ta’ Qali u fiċ-ċentri mmexxija minnkom. Grazzi lill-Gvern Ċentrali li permezz ta’ fondi pubbliċi bdejna proġett flimkien li jassisti lill-clubs fil-bdil tal-uċuh tal-pitches fl-irħula tagħna madwar Malta u Għawdex. Hemmhekk fejn issir l-attività kollha sportiva u fejn isir tant ġid biex it-tfal u l-adulti fil-komunità jintegraw f’ambjent inklussiv.
L-indikaturi wara reviżjoni ta’ nofs is-sena qed juruna li kellna titjib fid-dħul fuq dak li kien ibbaġitjat, iżda għalkemm relattivament f’livelli inqas, kellna wkoll żieda fil-ħruġ li fil-maġġoranza tagħha kienet relatata ma’ spejjeż biex ikopru l-operat tal-kampjonati u l-kompetizzjonijiet organizzati mill-MFA u għalhekk mal-garanziji finanzjarji f’forma ta’ sussidji li l-MFA għandha mal-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri fir-rigward tal-operat tal-logħba. Fil-kumplament tas-setturi, dak li kien stmat għal dak minfuq fil-fatt baqa’ fuq l-istess livell u għalhekk nistgħu ngħidu li l-kontroll u l-allinjament kienu kostanti u dan jafferma mill-ġdid id-diliġenza li qed naħdmu biha. Kieku ma kienx hekk il-bank ma kienx se jafdana, tant li ftit tal-jiem ilu ffirmajna pjan ta’
rifinanzjament ġdid li jippermetti għal aktar flessibilità favur l-Assoċjazzjoni fuq il- ħlasijiet relatati mal-investimenti fl-infrastruttura sportiva tal-passat u s-self ieħor li kienet daħlet għalih l-MFA.
Madankollu, u għalkemm il-pożizzjoni bdiet tiċċara, ma jfissirx li wasalna u rridu nibqgħu ffukati biex nilħqu t-tragwardi li approvat din l-Assemblea Ġenerali ftit tax-xhur ilu. Iżda u għalkemm il-pożizzjoni stretta, xorta waħda ħadna ħsieb biex nagħmlu ċert li nkomplu nassistu lill-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri bi skemi varji li jgħinuhom b’fondi minn inċentivi li jagħtu wkoll valur miżjud lil-logħba, kemm fl-amminstrazzjoni ukif ukoll ħt-teknika, li jirriflettu l-istrateġija kumplessiva tal-Assoċjazzjoni. B’hekk intom ukoll fil-clubs tagħkom, inħeġġiġkom biex taġixxu bl-istess kawtela u taħsbu fl-aħjar modi biex tissalvagwardjaw il-parti finanzjarja u ma tkunux dgħajfa quddiem il-pressjoni ta’ xi wħud li wara li jdaħħlukom f’diffikultajiet serji minħabba deċiżjonijiet mgħaġġla, żbaljati u sforz il-ġenn tal-mument, jisparixxu mix-xena u jħallukom taqdfu waħedkom. Fejn m’hemmx sostenibbilità ma jistax ikun hemm infiq bla rażan u mhux iddettat fuq l- ebda ppjanar finanzjarju għaliex ir-riskju llum il-ġurnata huwa kbir u jekk il-prestazzjonijiet u r-riżultati ma jaslux allura l-premju jmur għand ħaddieħor u wara trid tara kif se tagħmel għas-salvazzjoni tal-club. Hawnhekk fejn nerġa’ ntenni għal darb’oħra li dak li bħalissa qiegħed jiġi mhedded fuq livell internazzjonali, jiġifieri l- kunċett ta’ solidarjetà u prinċipji oħra li jwasslu għall-kompetittività, ikunu wkoll aċċettati u introdotti fuq livell domestiku għaliex persważ li b’mudell ġust għal kulħadd,, il-pożizzjoni tal-football tisaħħaħ. Dawn il-kunċetti joħorġu wkoll mill-istrateġija tal-MFA u huma bbażati fuq best-practices li taw ir-riżultati f’pajjiżi oħra u li jistgħu wkoll jagħmlu d-differenza f’pajjiżna.
Dwar l-istrateġija li varajna sentejn ilu, ir-rapporti li għandi f’idejja jirrikonoxxu xejriet pożittivi ħafna fl-andament tal-ħidma mwettqa mill-amministrazzjoni u mit-team kollu fl- Assoċjazzjoni flimkien magħkom il-membri. U l-kongratulazzjonijiet qegħdin jaslulna saħansitra mill-istituzzjonijiet internazzjonali dwar l-immaniġġjar tad-dokument strateġiku tant li s’issa rnexxielna nimplimentaw progress sinjifikanti fejn minn 39 objettiv fuq it-tmien għanijiet strateġiċi, għandna 20 konklużi. Dan juri kemm matul l-aħħar sentejn konna produttivi u kemm il-moviment tal-football Malti u Għawdxi jrid ikompli jtejjeb is-sostenn lejn il-komunità u jgħolli l-istandards tiegħu fil-livelli kollha. Illum li ddefinixxejna b’mod avvanzat u trasparenti d-direzzjoni li għandha twassalna, permezz ta’ proċessi u proċeduri li stabilixxejna b’mod ufħċjali, qegħdin dejjem nersqu lejn pożizzjoni aktar vantaġġuża biex nirkupraw id-distakk minn ħaddieħor u nirnexxu fil-miri tagħna.
Għalhekk ejjew nibqgħu ffukati fuq dan kollu biex għada pitgħada jkollna legat sabiħ fuq xiex nitkellmu filwaqt li ż-żgħażagħ tagħna jikbru ħ rġiel u nisa li kapaċi jaffrontaw il- ħajja u li bħala atleti fl-isport ikunu kapaċi jagħtuna sodisfazzjonijiet sbieħ permezz ta’ prestazzjonijiet u riżultati mtejba. Ma niddistakkawx mir-realtajiet u l-kuntest nazzjonali għaliex il-football huwa parti ħajja fil-kulturá tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Nitlobkom ma tinfilewx fuq kwistjonijiet frivoli. Għandna biżżejjed fuq xiex ninvestu l-enerġija tagħna. Għalhekk nibqgħu kompatti u magħqudin għaliex dak li għandna li jgħaqqadna u li huwa komuni għalina lkoll huwa l-imħabba lejn il-logħba u d-dedikazzjoni lejn il-club u l-assoċjazzjoni li nirrapreżentaw.
Illum grazzi għar-riformi li rnexxielna nwettqu, għandna Assoċjazzjoni moderna, bi strutturi li jagħtuna s-serħan favur l-indipendenza u l-awtonomija fid-deċiżjonijiet meħuda u fuq kollox protetta minn kull infiltrazzjoni esterna biex l-influwenza u l-ideat jibqgħu dawk li dejjem kienu abbażi tal-missjoni li din l-Assoċjazzjoni dejjem ħaddnet fil-122 sena ta’ eżistenza.
U għalhekk dan iwassalni għall-kumment finali, li biex negħlbu sensiela ta’ kriżijiet irridu nagħżlu l-unità fuq l-interess personali. Kellna mumenti fejn minflok naraw il-fatti kif inhuma, minflok inkunu parti mis-soluzzjoni, nispiċċaw inkunu ta’ xkiel lejn xulxin, kultant saħansitra b’antagoniżmu sfrenat li ma jwassal imkien. L-isfidi se jkomplu jitfaċċaw, il-problemi se jkomplu jinqalgħu. Jien kunfidenti li bil-bidliet u b’dak kollu li se nkunu kapaċi nwettqu matul dan il-mandat, il-qafas il-ġdid se jpoġġi lill-football f’pajjiżna f’pożizzjoni aktar simplifikata. Hekk kemm l-aspett sportiv jibqa’ jirrendi fil-livell dilettantesk, kif ukoll f’dak elite / professjonali abbażi tar-rispett u l-fair-play, iżda wkoll waqt li nieħdu kont tal-aspett kummerċjali li jrid jopera skond il-kriterji tal-ekonomija u li fid-dinja tal-lum huwa essenzjali għall-fini ta’ sostenibbilità, biex dawn jikkoeżistu flimkien ħ trasformazzjoni bilanċjata.
L-isforzi tagħna se jibqgħu kostanti biex bil-persważjoni u r-raġuni, l-isport f’pajjiżna jeleva ruħu. Il-football dejjem kien katalist fir-riformi u l-ideat, irridu nirrikonoxxu li l- aħħar tliet snin ma kinux faċli, iżda issa m’hemmx lok ta’ aktar dewmien u dak li l-isport kien imwiegħed bħala MFA qed nagħmlu minn kollox biex naraw li jiġi attwat dejjem fir- rispett tar-regolamenti u l-liġijiet. Il-mument huwa dan, hekk kif il-Gvern approva emendi fil-liġi sussidjarja li tirregola l-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni fil-faċilitajiet sportivi.
Bħala president ta’ din l-Assoċjazzjoni u intom kollegi, intom membri, għandkom għaliex tħossukom kburin bil-ħidma li tagħmlu matul l-istaġun biex toħolqu tant emozzjonijiet għan-nies, fejn persważ li kollha tagħtu aktar milli tieħdu, irrilevanti x’jikkummentaw fuqkom min hu distakkat mid-dinja kalċistika.
Grazzi lil kulħadd u nawguralkom staġun ġdid mimli emozzjonijiet sportivi!