Wednesday, April 16, 2025

Assemblea Ġenerali tal-Malta FA: L-Assoċjazzjoni tal-Football miexja fid-direzzjoni l-ġusta

Aqra wkoll

Meta nhar it-Tlieta ltaqgħet l-ewwel Assemblea Ordinarja tal-Malta FA għal din is-sena, il-president Bjorn Vassallo, elenka bost punti importanti li jindikaw li l-ikbar assoċjazzjoni sportiva f’pajjiżna miexja fid-direzzjoni l-ġusta fejn grazzi għal tmexxija tajba u bil-għaqal, ingħelbu bosta sfidi.

Barra minn hekk bi pjaċir ħabbar  ukoll li l-ħidma tal-Malta FA hija rikonoxxuta u għandha reputazzjoni tajba mal-imsieħba barranin.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Vassallo, qal:

“Wasalna fl-aħħar ta’ staġun kalċistiku ieħor, staġun li bħal dej­jem ikun akkanit u missielet fuq il-ħaxix aħdar, filwaqt li dejjem aktar intensiv u iebes fl-amministrazzjoni tiegħu.

“Matul l-aħħar snin għamilna minn kollox biex ngħollu l-livell, u rrid ngħid ukoll li kultant forsi staqsejna żżejjed minnkom, iżda jekk ma jkunx hekk ma jkunx possibbli li ngħollu l-livell. Allura qabel kollox nibda biex nirringraz­zjakom kollha tal-appoġġ li sibna mingħandkom matul il-perjodi differenti f’din l-ewwel sena minn meta reġgħet kienet eletta amministrazzjoni ġdida.

“It-Teżorier ta stampa ċara ta’ fejn qegħdin jintefqu u jiġu investiti l-flejjes. Huwa ta’ sodfisfazjon għalina li l-uffiċjali li żammejna ma’ dak imwiegħed u li dejjem aktar qed naraw nefqa li tħallilna ritorn għa­liex meta tinvesti fil-faċilita­jiet sportivi, fil-proġett tekniku, fil-membri tiegħek, fil-benesseri tal-payers u fuq kollox meta tagħti l-opportunitá biex il-mudell jespandi, normalment iseħħ tkabbir sinifikanti fid-dħul kummerċjali, tiżdied il-parteċipazzjoni u tissaħħaħ l-eko-sistema kollha.

“Ir-ristrutturar korporattiv biex nieħdu eżempju, hija inizjattiva strateġika li għadha fil-bidu tagħha u għalkemm l-MFA ppreżentat il-qafas lill-awtoritajiet u jidher li hemm l-approvazzjoni fil-prinċipju minn min jilleġiżla, l-Assoċjazzjoni mhux se tieqaf tippromwovi din il-bidla sakemm ikollna l-approvazzjoni li tkun tista’ tiġi mplimentata.

“Qiegħed ngħid hekk għaliex il-privatizzazzjoni tal-clubs tal-football se tiftaħ orizzonti ġodda biex isiru avvanzi ekonomiċi u soċjali ġodda. Dan ukoll se jagħti saħħa lill-Assoċjazzjoni biex tkompli tiddiversifika l-ħidma tagħha u jekk fil-parti ta’ fuq dan it-tip ta’ mudell se jwassal għal sostenibbi­ltá dejjem akbar u trasformazzjoni komprensiva li tgħaqqad l-isport man-negozju, anki b’titjib fl-irwol tas-settur privat, fil-parti t’isfel, jiġifieri fil-benniena tal-football tagħna, irridu nibqgħu nkunu preżenti u solidali biex inħeġġu l-parteċipazzjoni u nsaħħu l-impatt fil-komunitajiet tagħna.

“Anke tfal li jilagħbu u ma jaslux sal-logħba professjonali jistgħu jitgħallmu ħafna minn xhur u snin jimmilitaw fil-bażi, mir-reżiljenza, il-benessri mentali, id-dixxiplina u l-importanza tal-komunità ta’ madwarna.

“Dan huwa prijorità għal din l-industrija msejħa football, neċessitá li nkomplu nippromwovu stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom u saħħa fiżika akbar fil-ġenerazzjonijiet futuri.

“Irridu nużaw il-football biex inkissru l-barrieri, proprju fis-sena tal-anniversarju. Kif tafu qed niċċe­lebraw flimkien il-125 sena mill-fondazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football u għażilna din it-tema biex tiggwidana matul din is-sena mportanti.

“Permezz tal-programmi li varaj­na, se nkomplu nippromwovu r-res­ponsabbiltá soċjali u l-inklużjoni biex ħadd ma jibqa’ lura. U grazzi għan-nurseries tagħna u għall-eluf ta’ volontarji li jagħtu l-ħin tagħhom matul is-sena kollha, nistgħu nkunu forza b’saħħitha li tkompli ssaħħaħ il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza f’settur fejn dejjem irridu naħsbu fil-ġenerazzjonijiet futuri.

“Din hija assoċjazzjoni ħajja, b’membri attivi u passjonali u mhux b’eċċezzjoni li ilna 125 sena neżistu bħala moviment li l-missjoni tiegħu hija dik li nimpenjaw ruħna fit-tkabbir u t-titjib tal-logħba tal-football u tan-nies li jipparteċipaw fiha fil-li­velli kollha tagħha; dejjem minn ta’ quddiem ngħafsu biex bit-trawwim ta’ bidla soċjali nħaddnu dej­jem il-kultura sportiva; determinati li niċċelebraw il-kburija nazzjonali u nippromwovu l-għaqda hekk kif naħdmu biex nispiraw lin-nies lejn il-kuluri ta’pajjiżna.

“U biex inkomplu nagħmlu dan anki fis-snin li ġejjin, għaliex ir-res­ponsabbiltá hekk titlob, irid ikollna direzzjoni ċara u motivata mill-fatt li fadal fejn nikbru u nipprogressaw.

“B’hekk huwa ta’ sodisfazzjon li naraw żieda fid-dħul, iffrankar fin-nefqa mġarrba u riżultati pożittivi fl-immaniġġjar finanzjarju, iżda ma nistgħux nieqfu hawn għaliex jekk irridu nkomplu nkattru l-ġid u l-iżvilupp, irridu nagħmlu aħjar biex nibnu r-riżervi tagħna għal meta jerġgħu jiġu l-isfidi biex kif konna b’saħħitna meta ġew fuqna, hekk l-istess nagħmlu fil-futur. Huwa dan l-għaqal grazzi għad-dixxiplina finanzjarja li jippermettilna nkomplu ninvestu biex insaħħu l-effiċjenza u l-produttivitá biex dejjem nibqgħu kompetittivi u nilħqu l-għanijiet ipproġettati.

“Qabel nagħlaq nixtieq insemmi varji punti li jkomplu jagħtuna prestiġju f’dak li naħdmu għalih. Fosthom in-nomina ta’ tliet uffiċjali tagħna, wieħed mis-settur tar-re­ferees u tnejn mill-amministrazzjoni, li ġew magħżula mill-UEFA biex ikunu parti minn team ta’ uffiċjali li se jservu fil-fażi finali tal-Kampjonat ta’ Taħt il-21 sena, li se jsir fis-Slovakkja, f’Ġunju li ġej, u dak ta’ Taħt id-19-il sena li se jsir fir-Rumanija fis-sajf. Dan jixhed il-fiduċja li ngawdu f’dan is-settur f’livell internazzjonali.

“Matul l-aħħar ġimgħat l- MFA kienet fdata wkoll mill-IFAB biex tiġi studjata miżura li permezz tagħha jitrażżan il-ħela ta’ ħin mill-goalkeepers. Wara li din il-miżura kienet introdotta f’Malta eżattament fil-kampjonat tan-National Amateur League, il-membri tal-Bord, li tlaqqa’ f’Marzu li għadda bil-parteċipazzjoni tal-FIFA, kienu konvinti li din il-miżura jista’ jkollha impatt pożittiv u sinifikanti fuq it-trażżin ta’ dewmien inten­zjonat u ħela ta’ ħin mill-goalkeepers.

“Grazzi għal riżultati konvinċenti pprovduti minn Malta, l-IFAB approvat bidla immedjata fil-Liġijiet tal-Logħba għall-istaġun li ġej, anke qabel it-tlestija tal-prova. Din hija prova ċara oħra ta’ kemm l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football għandha reputazzjoni tajba mal-imsieħba barranin u nwiegħed li l-ħidma tagħna mhux se tieqaf hawn, anki fir-rigward tat-teknoloġija fil-logħba fejn bħalissa qiegħdin nanalizzaw proġett ġdid flimkien mal-istess IFAB u FIFA.

“Dawn fost numru ta’ proġetti oħra ġodda li qed naħdmu fuqhom biex inkomplu nsaħħu l-kompetenza u l-għarfien tar-riżorsi tagħna u tal-membri tagħna. Ma rridx intawwal, insemmi biss l-introduzzjoni tas-sistema tas-Security Stewards waqt il-football organizzat, b’kors dedikat li se jsir flimkien mal-UEFA f’Settembru li ġej u kif ukoll kors dwar il-manutenzjoni tal-ħaxix artifiċjali li l-applikazzjonijiet għalih infetħu diġá u li se jkun immexxi minn esperti barranin.

“Għalhekk inħeġġiġkom tibqgħu aġġornati biex tkunu parti ċentrali mill-ħidma tal-Assoċjazzjoni, l-istess kif aħna se nkomplu nkunu parti magħkom fit-tmexxija tal-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport