Matul it-tielet Assemblea Ġenerali Ordinarja tagħha tal-2025, il-Malta FA enfasizzat l-investiment bla waqfien fil-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri, filwaqt li rriflettiet ukoll fuq l-avvenimenti importanti li mmarkaw iċ-ċelebrazzjonijiet kontinwi tal-125 anniversarju tal-Assoċjazzjoni.
L-avveniment sar fis-Sala taċ-Ċentenarju, Ta’ Qali, nhar il-Ħamis 16 ta’ Ottubru, 2025.
Is-Senior Manager tal-Programm ‘HatTrick’ tal-UEFA Valentina Mercolli u l-Koordinatur tal-Assoċjazzjonijiet Membri tal-FIFA Marco Ferri kienu preżenti għall-Assemblea Ġenerali, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi.
Waqt l-avveniment, is-Sinjura Mercolli enfasizzat il-kalendarju estensiv ta’ avvenimenti li jsiru matul is-sena, partikolarment il-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol, fejn iddeskrivieth bħala faċilità avvanzata, flimkien mal-Kors ta’ Taħriġ tal-istewards tal-UEFA li sar fl-istess ġimgħa. Hija rrimarkat li l-futbol f’Malta kiber b’mod kostanti grazzi għall-investiment tal-FA ta’ Malta, dejjem bil-għan li tagħmel l-isport aktar aċċessibbli.
Is-Sur Ferri enfasizza r-relazzjoni bla xkiel bejn il-Malta FA u l-FIFA matul is-snin. Huwa ħares lura wkoll lejn is-sena importanti li ċċelebrat l-Assoċjazzjoni, li inkludiet il-ftuħ tal-ewwel grawnd tal-FIFA Arena f’Malta fl-Iskola Primarja tal-Kulleġġ Maria Regina f’San Pawl il-Bajja x-xahar li għadda.
DISTRIBUZZJONI TAL-FONDI U BENEFICĊJI ADDIZZJONALI
Matul l-Assemblea Ġenerali, il-Viċi President tal-Malta FA, Dr Matthew Paris, ipprovda spjegazzjoni dwar il-fondi li se jitqassmu fost il-kampjonati u l-assoċjazzjonijiet differenti.
Il-programm ta’ finanzjament tal-FA ta’ Malta jaħseb għal kategoriji differenti tal-familja tal-futbol Malti, jiġifieri l-Premier League, iċ-Challenge League, l-Amateur Leagues, il-Kampjonati tan-Nisa, il-Kampjonati tal-Futsal u tal-Beach Soccer, u l-Assoċjazzjonijiet Membri.
Minbarra dan, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri rispettivi diġà qed jibbenefikaw minn appoġġ biex jinstallaw sistemi ġodda ta’ dawl, promozzjoni u kopertura tal-midja mtejba, il-kisi mill-ġdid tal-grawnd tal-Istadium Ċentinarju, li tlesta ftit xhur ilu, skemi ta’ biljetti staġjonali, u inċentivi ewlenin oħra.
Dawn il-benefiċċji kienu ġew diskussi mal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet waqt laqgħat aktar kmieni din is-sena.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Malta FA ħabbret ukoll li ffirmat Memorandum of Understanding (MoU) mal-Bank of Valletta plc (BOV) dwar id-drittijiet tal-ismijiet ta’ tmien kompetizzjonijiet tal-Assoċjazzjonijiet Membri.
Dr Paris irrimarka li l-Malta FA investiet ħafna fil-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri tagħha, u se tkompli tagħmel dan, filwaqt li enfasizza l-importanza tagħhom bħala partijiet interessati fil-futbol Malti.
Il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo stqarr li permezz tal-istrateġija l-ġdida tal-Assoċjazzjoni, il-Malta FA se tkompli tilħaq l-objettivi tagħha għall-aħjar interessi tal-logħba, tal-membri tagħha, u ta’ dawk li jsegwuha.
Tħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim fil-prinċipju għall-pagamenti ta’ solidarjetà li tqassmu liż-żgħażagħ u lin-nurseries u li ntilfu apparti minn dawk lill-klabbs tal-Premier League, se jkomplu jitqassmu wara li l-FA ta’ Malta ħadmet fuq ftehim li se jiġi ffinalizzat sa tmiem is-sena. Dan il-ftehim se jara dawn il-fondi jitqassmu wkoll għat-tliet snin li ġejjin.
RIFLESSJONI FUQ L-AVVENIMENTI TAL-125 ANNIVERSARJU
Waqt l-Assemblea Ġenerali, il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo rrifletta fuq il-kalendarju tal-avvenimenti li saru s’issa din is-sena bħala parti mill-125 anniversarju tal-Assoċjazzjoni.
L-avvenimenti organizzati matul din is-sena importanti kienu mfassla biex jinvolvu lill-komunità usa’ u jiċċelebraw l-anniversarju. Dawn inkludew l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol fit-Traing Grounds tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali, avvenimenti tas-Street Football fil-Belt Valletta, żjarat fl-iskejjel minn plejers tat-Tim Nazzjonali, it-tnedija ta’ kit tat-timijiet nazzjonali b’edizzjoni limitata, u l-Jubilee Cup tal-Malta FA.
Kif tħabbar lura f’Marzu, l-attivitajiet iffokaw fuq it-temi ewlenin tar-responsabbiltà soċjali u l-inklużjoni, bil-Malta FA tutilizza l-futbol biex tkompli trawwem l-għaqda. L-inklużjoni kienet fil-qalba tal-attivitajiet ta’ qabel il-logħba għat-tfal qabel il-logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-ġimgħa li għaddiet bejn Malta u l-Olanda fl-Istadium Nazzjonali.
Dawn l-avvenimenti kollha se jilħqu l-qofol tagħhom fit-8 ta’ Diċembru 2025, meta jsiru l-finali tal-edizzjonijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa tal-Malta FA Jubilee Cup, appoġġjati minn Enemed.
“Din is-sena kienet ikkaratterizzata mill-125 Anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni, avveniment importanti għall-Malta FA li ċċelebrajna bl-aħjar mod possibbli. U hemm avvenimenti oħra li ġejjin,” qal il-President Vassallo.