Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-ġurnalisti wara d-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fil-Parlament b’replika għall-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “assistejna għal replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li kienet negattiva ferm aktar minn dawk li kellna fis-snin ta’qabel.”
Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni analizza kollox ħlief il-budget li ppreżenta l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana. Qal li Dr Borg kellu opportunità li jfisser il-viżjoni tiegħu għal pajjiżna għas-snin li ġejjin iżda din l-opportunità f’diskors ta’ sagħtejn tilifha kompletament. 
“Ma smajnieh jgħid xejn dwar dak li qed jipproponi b’mod differenti għall-futur ta’ pajjiżna,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dr Abela qal ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ntilef f’retorika li kienet waħda ripetuta u li ma tagħti ebda sens ta’ viżjon u direzzjoni lill-pajjiż. Il-Prim Ministru tenna li fid-diskors li huwa se jagħmel għada fil-Parlament se jkun qed jieħu l-opportunità li jkompli jaqsam mal-poplu d-direzzjoni li jridu jieħdu fiha lil pajjiżna.
Direzzjoni li qal se ssib il-bażi tagħha fil-Malta Vision 2050 li l-Oppożizzjoni reġgħet ma tatx il-kontribut tagħha.
“Illum se nkomplu nfissru l-viżjoni tagħna għal dan il-pajjiż u kif se nkomplu nelevaw ’il fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi u Malti kollu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

