Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ffirma ftehim soċjali mal-Fondazzjoni ‘Life Network’, li tmexxi d-Dar t’Għanniqa ta’ Omm, residenza li tilqa’ fiha ommijiet li jkunu qed jikkunsidraw abort.
Il-ministeru se jkun qed jalloka s-somma ta’ €130,000 fuq medda ta’ tliet snin. Dawn il-pagamenti se jkopru pagi tal-ħaddiema, manutenzjoni tal-post, spejjeż ta’ kuljum, għat-taħriġ, u appoġġ fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon tkellem dwar kif din l-idea ta’ ftehim soċjali, nibtet żjara li saret minnu personali, f’Jannar li għadda. Il-ministru semma kif dakinhar huwa baqa’ impressjonat bil-każijiet ta’ abort li jsiru barra minn xtutna.
“Minkejja li l-Baġit tal-Gvern kien diġà ppjanat u maħsub, xorta rnexxielna nsibu fondi għal dan il-għan”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Għalhekk għall-ewwel darba, il-gvern permezz ta’ kooperazzjoni ma’ din il-Fondazzjoni, se jkun qed iwettaq programmi u eżerċizzji, sabiex jgħin nisa tqal, meqjusa bħala vulnerabbli.
Il-Fondazzjoni Life Line Malta wettqet 570 siegħa ta’ counselling ma’ nisa tqal, ipprovdiet 38 donazzjoni lil familji fi bżonn ta’ affarijiet bażiċi, assistew ħames ommijiet matul il-programm ta’ maternità, erba’ trabi kienu mwielda fix-shelter, filwaqt li qed jassistu disa’ nisa illi qed jistennew tarbija fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan il-ftehim soċjali huwa wieħed fost it-48 li dan il-ministeru għandu ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u dan se jkompli jiġġedded minn sena għal oħra.