L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Liz Truss qalet li qatt ma ngħatat ċans realistiku sabiex timplimenta l-aġenda tagħha għat-tnaqqis tat-taxxa mill-partit tagħha.
F’kitba fuq is-Sunday Telegraph, is-Sinjura Truss żammet mal-pjanijiet tagħha biex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, filwaqt li argumentat li dawn ma sarux minħabba ‘l-establishment ekonomiku tax-xellug.’
Dawn kienu l-ewwel kummenti li għamlet Truss wara li rriżenjat minn Prim Ministru. Iżda qalet li ma kellhiex tort għat-tfixkil tal-mini budget.
Hija damet fil-kariga għal 49 jum biss. Dan għamilha l-iżjed Prim Ministru fir-Renju Unit li dam l-inqas fil-kariga.
Truss qalet li filwaqt li l-esperjenza qasira tagħha affetwata personalment, temmen li fuq medda ta’ żmien il-politika tagħha kienet se żżid it-tkabbir u għalhekk tnaqqis id-dejn. Argumentat ukoll li l-Gvern sar “scapegoat” għal żviluppi li kienu ilhom isiru għal xi żmien.
“Jiena assumejt, meta dħalt Downing Street, li l-mandat tiegħi se jkun rispettat u aċċettat. Kemm kont żbaljata. Filwaqt li antiċipajt ir-reżistenza għall-programm tiegħi mis-sistema, issotovalutajt kemm din kienet se tkun kbira,” hija kitbet.