Aston Villa għamlu offerta inizjali ta’ £12-il miljun għal Philippe Coutinho ta’ Barcelona, li ilu misluf f’Villa Park minn Jannar li għadda.
L-internazzjonali Brażiljan ħalla impatt pożittiv fuq it-team immexxi minn Steven Gerrard, wara li skorja erba’ goals u rreġistra tliet assists fi 15-il dehra tal-Premier League mar-ritorn tiegħu fl-Ingilterra.
Gerrard, li lagħab flimkien ma’ Coutinho ma’ Liverpool, għamilha ċara li jixtieq jiffirma lill-ex sieħeb tiegħu bi ftehim permanenti, bil-kuntratt ta’ self tiegħu jinkludi għażla ta’ xiri fi tmiem l-istaġun.
Minkejja l-ftehim inizjali bejn Villa u Barcelona li jiddikjara għażla ta’ £33 miljun biex jixtru, il-ġganti Katalani jistgħu jkunu lesti li jnaqqsu dak il-prezz b’aktar min-nofs.
It-team immexxi minn Xavi huwa ħerqan li jċedi uħud mill-players tagħhom li għandhom salarji għoljin dan is-sajf biex jiġbru fondi għal reviżjoni tal-iskwadra, għalhekk Villa x’aktarx jinnegozjaw prezz imnaqqas għal Coutinho.
Il-player ta’ 29 sena skorja 25 goal u pprovda 14-il assist f’106 dehra għal Barcelona, minn meta mar jilgħab fil-Camp Nou lura fl-2018.