Monday, September 29, 2025

Athletics Malta tniedi l-Kampjonat tar-Road Running 2025-26

Aqra wkoll

Athletics Malta ħabbret id-dati u d-dettalji tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road Running għall-istaġun 2025-26, li għal darb’oħra se jinkludi sitt tlielaq bil-klabbs lokali involuti fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti.

Dan il-Kampjonat, li jwassal għar-rebħ tat-titlu nazzjonali tar-road running fuq livell ta’ klabb u dak individwali, se jinkludi tliet tlielaq ta’ 5km u tlieta oħra ta’ 10km. It-tlielaq kollha se jsiru f’rotot ċertifikati minn World Athletics, fattur li mhux biss iżid il-preġju tal-kompetizzjoni iżda jiżgura wkoll li l-ħinijiet miksuba jkunu jgħoddu għal skopijiet ta’ rekords nazzjonali u tal-kategoriji, kif ukoll biex atleti jiksbu l-istandards meħtieġa għal avvenimenti internazzjonali.

Għal staġun ieħor, Athletics Malta se tiftaħ il-Kampjonat għall-entużjasti kollha ta’ dan l-isport, biex b’hekk anke individwi li jiġru b’mod rikreattiv u amatorjali jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-istess avvenimenti ma’ atleti stabbiliti, u jirbħu midalji parteċipattivi f’dawn il-kompetizzjonijiet uffiċjali. Il-klassifika finali se tkun determinata fuq sistema ta’ punti u biex wieħed jikkwalifika għal pożizzjoni finali jrid jieħu sehem f’mill-inqas erba’ tlielaq.

Il-kampjonat se jibda fis-26 ta’ Ottubru b’tellieqa ta’ 10km organizzata minn Pembroke Athleta f’Wied il-Għajn, segwita minn oħra ta’ 5km organizzata minn La Salle AC f’Ħaż-Żabbar fid-9 ta’ Novembru. Athletics Malta se tkun qed torganizza tellieqa ta’ 10km f’Ta’ Qali fit-18 ta’ Jannar, li se sservi wkoll tal-Kampjonat Nazzjonali fuq din id-distanza. Fit-8 ta’ Marzu, Corsa se torganizza 10k oħra f’Ta’ Xbiex, filwaqt li fid-19 ta’ April, Athletics Malta se torganizza tellieqa ta’ 5km ta’ Ta’ Qali, li se se sservi wkoll tal-Kampjonat Nazzjonali fuq din id-distanza. Il-Kampjonat se jilħaq il-qofol tiegħu fit-3 ta’ Mejju meta Mellieħa AC se jorganizzaw it-tellieqa magħrufa bħala S2P, minn Tas-Sliema sal-Pieta’, fuq distanza ta’ 5km.

Iċ-ċampjins renjanti tal-ġiri f’pajjiżna huma Evolve Endurance Club (irġiel) u Pembroke Athleta (nisa) fost it-timijiet, u Simon Spiteri (St Patrick’s) li Lisa Bezzina (Pembroke) fil-kategoriji individwali.

Aktar informazzjoni dwar it-tlielaq rispettivi se jkunu disponibbli fuq il-pjattaformi soċjali ta’ Athletics Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport