Atlas Insurance ingħaqdet mal-FIDEM Foundation fiċ-ċelebrazzjoni tal-gradwazzjoni ta’ 19-il mara li lestew b’suċċess it-tieni edizzjoni tal-programm Skill-Up. L-inzjattiva hija mfassla biex tagħti s-setgħa lin-nisa permezz tal-edukazzjoni, l-iżvilupp personali, u l-appoġġ tal-komunità.
Iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni, organizzata mill-FIDEM nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju fir-Rabat, fissret pass importanti għall-parteċipanti, li ħafna minnhom ġejjin minn ambjenti fejn l-aċċess għall-edukazzjoni kien diffiċli jew miċħud.
Appoġġjat għat-tieni sena konsekuttiva mill-Atlas Insurance Community Involvement Fund, il-programm Skill-Up kien jinkludi kors fil-lingwa Ingliża ċċertifikat fil-Livell 3 tal-MQF, flimkien ma’ sezzjonijiet oħra li jtejbu l-kwalita` tal-ħajja, bħat-tisjir u l-yoga. Il-parteċipanti ngħataw ukoll trasport u servizzi ta’ childcare b’xejn kull nhar ta’ Tlieta matul is-sitt xhur tal-kors.
Waqt li kienet qed tindirizza ċ-ċerimonja, Catherine Calleja, Direttur Eżekuttiv u President tal-kumitat tal-Atlas Insurance Community Involvement Fund, ikkummentat: “Filwaqt li aħna lkoll ġewwa Atlas nifirħulkom għal dan is-suċċess, it-tmiem ta’ dan il-programm ifisser il-bidu ta’ vjaġġ tul il-ħajja ta’ tagħlim u emanċipazzjoni.”
Hija stqarret ukoll: “L-inizjattivi li nappoġġjaw, permezz tal-Atlas Insurance Community Involvement Fund, imorru lil hinn mill-għajnuna finanzjarja. Huma parti mill-missjoni tagħna li nibnu soċjetà aktar inklużiva u b’saħħitha, billi nibnu fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-SDG4 – Edukazzjoni ta’ Kwalità. L-edukazzjoni m’għandhiex tkun privileġġ għall-ftit, iżda dritt aċċessibbli għal kulħadd. Aħna nemmnu li inizjattivi bħall-iSkill-Up huma vitali biex jingħelbu l-ostakli u jinfetħu l-bibien għal kull mara biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.”
Dr. Sabine Agius Cabourdin, mill-FIDEM Foundation, ikkummentat: “L-ebda kliem ma jista’ verament jesprimi dak li qed inħoss illum. Din hija ċelebrazzjoni tat-trasformazzjoni, ir-reżiljenza u l-qawwa ta’ meta tassew temmen f’xi ħaġa. L-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem iżda l-aċċess għall-edukazzjoni huwa daqstant fundamentali. Ma nistgħux nitkellmu dwar l-edukazzjoni jekk ma nistgħux niżguraw aċċess għall-edukazzjoni. Dak hu li jfisser Skill-Up. Huwa dwar il-possibbiltà. Kull waħda min-nisa li qed jiggradwaw illum hija eżempju ħaj ta’ dik il-possibbiltà. Intom għamiltuna kburin u aktar importanti minn hekk għamiltu lilkom infuskom kburin, u dan huwa l-aktar importanti.”
Din il-gradwazzjoni kellha sinifikat partikolari peress li din kienet l-aħħar sena li l-programm Skill-Up kien sponsorjat mill-Atlas Insurance. L-inizjattiva ta’ sentejn ta’ Atlas Insurance tirrifletti impenn usa’ biex ittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u trawwem l-inklużjoni tal-ġeneri fis-soċjetà Maltija.