Saturday, December 21, 2024

Atlas Insurance tippromwovi s-saħħa mentali b’serje ta’ webinars f’Ottubru

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tax-xahar li fih jitfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, Atlas Insurance qed torganizza serje ta’ webinars internazzjonali interessanti għall-impjegati, l-imsieħba tagħha u l-pubbliku ġenerali, skedati matul Ottubru.

Kull sena Atlas tikkollabora ma’ Lyra Wellbeing biex torganizza dawn is-sessjonijiet li jedukaw lill-parteċipanti dwar aspett tas-saħħa mentali, jipprovdu pariri prattiċi għall-ġestjoni tal-benessri mentali fuq ix-xogħol, u jrawwmu djalogu ta’ appoġġ immirat biex jindirizza l-aktar kwistjonijiet urġenti tas-saħħa mentali tal-lum.

Bħala waħda mill-ewwel firmatarji tal-Malta Diversity and Inclusion Charter, Atlas Insurance din is-sena se tiffoka fuq is-suġġett tad-Diversità u l-Inklużjoni biex dawn il-prinċipji jkomplu jiġu infurzati. Il-webinars se jkopru firxa ta’ suġġetti relatati, inklużi l-mental load u Aspettattivi dwar is-Sessi, kif ukoll id-Diversità, l-Inklużjoni, u l-Appartenenza fuq ix-Xogħol. Kull sessjoni se toffri għarfien u strateġiji mfassla biex itejbu l-fehim u l-benessri ġenerali.

Catherine Calleja, Direttur Maniġerjali ta’ Atlas Healthcare, ikkummentat: “Aħna nipprijoritizzaw is-saħħa mentali matul is-sena kollha, iżda Ottubru jagħtina opportunità speċjali biex inħarsu aktar lejn dak li nistgħu nagħmlu aħjar f’dan il-qasam. Matul dan ix-xahar, nintensifikaw l-isforzi tagħna biex niskopru metodi effettivi li jistgħu jkomplu jagħtu s-setgħa lil TeamAtlas fl-immaniġġjar tal-isfidi tas-saħħa mentali. Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ Lyra Wellbeing tgħinna nagħmlu differenza sinifikanti fl-organizzazzjoni tagħna u tal-klijenti tagħna, kif ukoll fil-komunità.”

Fdata minn entitajiet internazzjonali ewlenin u pijunier fl-assistenza tal-impjegati sa mill-1987, Lyra Wellbeing toffri firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ assistenza għall-impjegati inkluż helpline 24/7 b’aċċess dirett għall-professjonisti fil-livell ta’ Masters kif ukoll aċċess għal assistenza legali u finanzjarja.

Organizzazzjonijiet interessati li joffru l-Lyra Wellbeing’s Employee Assistance Programmes jistgħu jżuru l-istand tal-Atlas Healthcare fil-konferenza tal-FHRD fit-18 ta’ Ottubru jew iżuru https://www.atlas.com.mt/lyra-wellbeing/ għal iktar informazzjoni. 

Il-Lyra Wellbeing Employee Assistance Programme mhuwiex prodott tal-assigurazzjoni. Huwa servizz ta’ assistenza pprovdut esklussivament minn Lyra Health International Limited u Atlas Healthcare m’għandha l-ebda involviment dirett jew indirett fil-forniment tas-servizz.

Ekonomija

Sport