Atlas Insurance u SOS Malta ħabbru l-bidu ta’ inizjattiva ta’ tliet snin biex tintegra t-teknoloġija tar-realtà virtwali (VR) fil-kurrikuli ta’ żewġ skejjel indipendenti u skola tal-knisja. Dan il-proġett se jipprovdi tagħmir VR, riżorsi edukattivi u taħriġ biex jippermetti lill-istudenti jesploraw xenarji u kunċetti permezz tas-simulazzjonijiet virtwali. Barra minn hekk, kwalunkwe kontenut addizzjonali ġġenerat permezz ta’ din l-inizjattiva se jkun disponibbli għall-iskejjel lokali kollha li jagħmlu użu mis-software ClassVR.
L-attività tat-tnedija saret ġewwa St. Edward’s College, waħda mill-iskejjel li qed jipparteċipaw fil-proġett, u għaliha attendew studenti u għalliema mill-iskejjel l oħra, St. Martin’s College u St. Jeanne Antide College, li uffiċjalment bdew jużaw is-sistema ClassVR, approvata mill-awtoritajiet edukattivi f’Malta.
SOS Malta, flimkien ma’ RoboCoach, qed tmexxi dan il-proġett billi tiżviluppa u toħloq kontenut u materjal konformi mal-Kurrikulu Nazzjonali, filwaqt li l-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Atlas Community Involvement Fund f’inizjattiva konġunta li ġabet flimkien is-settur tal-volontarjat, istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tan-negozju.
“Atlas Insurance tqis l-edukazzjoni bħala l-pedament ta’ soċjetà b’saħħitha,”
ikkummentat Catherine Calleja, Direttur Eżekuttiv u Chairperson tal-Atlas Community Involvement Committee. “Permezz tal-Community Involvement Fund tagħna, aħna nappoġġaw b’mod attiv proġetti li joħolqu impatti sinifikanti, partikolarment f’dawk l-oqsma li fihom Malta qed tiffaċċja sfidi biex tikseb l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli. Aħna kburin li flimkien ma’ SOS Malta nsostnu dan il-proġett, li mhux biss itejjeb l-esperjenza edukattiva, iżda javvanza wkoll l-Għan għal Żvilupp Sostenibbli numru erbgħa dwar Edukazzjoni ta’ Kwalità u għandu l-potenzjal li jindirizza t-tnaqqis tal-inugwaljanzi.”
Graziella Schiavone, Head of Finance Operations ta’ SOS Malta, stqarret: “SOS Malta tinsab eċċitata li tniedi dan il-proġett innovattiv tal-VR, li huwa possibbli permezz tal-appoġġ u l-finanzjament ta’ Atlas Insurance. Billi ngħammru tliet skejjel – skejjel indipendenti u tal-knisja – b’settijiet tal-VR, l-għan tagħna hu li nittrasformaw l-esperjenza tat-tagħlim billi nintegraw kontenut virtwali li ġie żviluppat lokalment f’suġġetti bħall-ġeografija, ix-xjenza, l-etika u l-kura tas-saħħa. Dan il-proġett se jippermetti lill-istudenti jimpenjaw ruħhom fil-lezzjonijiet b’mod aktar interattiv u dinamiku, li jagħmel il-kunċetti aktar tanġibbli u jsaħħaħ il-vjaġġ edukattiv ġenerali tagħhom.”
Din l-inizjattiva turi l-potenzjal tas-sħubija bejn diversi entitajiet fit-trawwim tal- edukazzjoni innovattiva. Billi jlaqqa’ flimkien l-għarfien espert ta’ SOS Malta u Robocoach, l-appoġġ tas-settur korporattiv, u l-impenn tal-istituzzjonijiet edukattivi, dan il-proġett se jagħti lill-iskejjel privati u indipendenti f’Malta aċċess għal din it-teknoloġija li diġà hija disponibbli fl-iskejjel tal-istat. Filwaqt li jħarsu ‘l quddiem lejn il-bidliet pożittivi li dan il-proġett se jġib fil-prattika u fir-riżultati edukattivi, il-partijiet involuti jibqgħu impenjati li jkomplu jtejbu l-esperjenzi tat-tagħlim tal-istudenti.