Atleti Marokkini ddominaw il-Maratona ta’ Malta b’Marhoum Bilal u Mosaab Hadout jieħdu l-ewwel żewġ pożizzjonijiet fil-Full Marathon, filwaqt li l-kompatrijott tagħhom Hicham Laqouahi rebaħ in-Nofs Maratona f’ħin rekord.
It-tellieqa annwali ġibdet parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 7,000 atleta li ġrew il-Maratona f’temp sabiħ, għalkemm il-kundizzjonijiet tar-riħ għamluha diffiċli għall-atleti f’diversi sezzjonijiet tat-tellieqa.
Laqouahi stabbilixxa rekord ġdid fil-korsa fi triqtu lejn ir-rebħa, billi rreġistra ħin ta’ siegħa, żewġ minuti, u tmien sekondi. L-aqwa ħin preċedenti kien ta’ 1:02.50.
Il-kompatrijott tiegħu Abdelkarim Ben Enzahra kien it-tieni f’1:02.34, filwaqt li l-Brittaniku Charlie Brisley temm il-podju f’1:02.38.
Dillon Cassar kien l-ewwel atleta Malti li temm it-tellieqa meta temm id-distanza f’1:04.56.
It-tellieqa tan-nisa rat atleta Marokkina oħra tikseb unuri ġenerali hekk kif Saoud Oumaima temmet it-tellieqa b’ħin ta’ 1:11.24 qabel il-kompatrijotta tagħha Asmid Fathia (1:12.35) filwaqt li Mihaela Robu mir-Rumanija temmet fit-tielet post b’ħin ta’ 1:21.11.
Id-duo Marokkin iddomina t-tellieqa mill-bidu sat-tmiem, hekk kif sa mill-istart line fil-Bieb tal-Imdina fir-Rabat, kienu fuq quddiem tal-grupp.
Hekk kif ħarġu minn Ta’ Qali, Hadout u Bilal bdew jitbiegħdu mill-grupp, u minn hemm ‘il quddiem, kienu qed jiġru flimkien sal-finish line.
Hekk kif il-finis line beda joqrob, Hadout u Bilal żammew idejn xulxin biex koprew id-distanza f’sagħtejn, 17-il minuta, u 3 sekondi.
Hadout u Bilal kienu viżibbilment kuntenti bir-riżultat tagħhom.
Intant, Simon Spiteri qasam il-finish line fit-tielet post b’ħin ta’ sagħtejn 24 minuta u 26 sekonda, li huwa l-iktar ħin veloċi li qatt inkiseb minn atleta Malti fit-tellieqa.
Spiteri sofra problema waqt it-tellieqa meta ngħata direzzjonijiet żbaljati mill-uffiċjali tat-tellieqa, iżda rnexxielu jirkupra u jispiċċa t-tielet overall.
Roderick Cilia ġie fil-ħames post overall fit-tellieqa.
Fit-tellieqa tan-nisa, Jemima Farley kienet ir-rebbieħa ġenerali meta temmet it-tellieqa f’ħin ta’ 2:40.16.
Għal Farley, din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva tagħha fit-tellieqa.

