Tliet clearances għall-ewwel darba f’5.65m, 5.85m u 5.90m kienu biżżejjed biex iċ-champion tad-dinja u Olimpiku tal-pole vault, Armand Duplantis, iżomm it-titlu Ewropew li rebaħ erba’ snin ilu fil-jum ta’ qabel tal-aħħar tal-Kampjonati Ewropej tal-Atletika ta’ Munich 2022.
Dan ħalla biss il-mistoqsija ta’ kemm għandu jipprova jaqbeż qabel ma kkonkluda l-isforzi tiegħu. L-Isvediż ta’ 22 sena għażel 6.06m, sitt ċentimetri aktar mir-rekord tiegħu tal-kampjonat f’Berlin, u ovvjament ikklerjah fl-ewwel tentattiv tiegħu fejn ix-xita u r-riħ kienu ostakoli għal kull atleta.
Il-midalja tal-fidda ħadha l-Ġermaniż, Bo Kanda Lita Baehre, bl-aqwa qabża’ ta’ 5.85m. u l-bronż mar għand Pal Haugen Lillefosse tan-Norveġja wara countback ma’ Rutger Koppelaar (Olanda), Thibaut Collet (Franza) u t-tieni Norveġiż, Sondre Guttormsen, li kollha kklerjaw 5.75m.
L-Albanija rebħet l-ewwel midalja fl-istorja tal-kampjonati meta Luiza Gega spiċċat l-ewwel fit-3000m steeplechase fil-ħin ta’ 9:11.31 bil-fidda tmur għand il-Ġermaniża Lea Meyer (9:15.35) u l-bronż ħaditha l-Britannika Elizabeth Bird (9:23.18).
Il-Griega Elina Tzengko kisbet ir-raba’ midalja tad-deheb għal pajjiżha f’dawn il- kampjonati meta rebħet il-javelin b’tefa’ ta’ 65.81m bis-Serba Adrianna Vilagos (62.01) tieħu l-fidda u l-veterana ta’ 41 sena, Barbora Spotakova (60.68) l-bronż.
It-800m intrebħet mill-Britannika Keely Hodgkinson f’1:59.04 bil-Franċiża Renelle Lamote (1:59.49) tieħu l-fidda u l-Pollakka Anna Wielgosz (1:59.87) il-bronż.
L-20km Mixi tal-irġiel rebaħha Alvaro Martin ta’ Spanja f’11:9:11, il-fidda Perseus Karlstrom tal-Isvizzera f’1:19:23 u l-bronż Diego Garcia ta’ Spanja wkoll f’1:19:45.
Il-kategorija tan-nisa kienet trijonf doppju għall-Griega Antigoni Drisbioti li rebħet ukoll il-35km meta daħlet f’1:29:03. Il-fidda marret għand l-Pollakka Katarzyna Zdzieblo (1:29:20) u l-bronż għand il-Ġermaniża Sasskia Feige (1:29:25).
Saru wkoll iż-żewġ relays tal-4x400m fejn il-Britannja rebħu dik tal-irġiel f’2:59.35, il-Belġju (2:59.49) ħadu l-fidda u Franza (2:59.64) il-bronż.
F’dik tan-nisa rebħu l-Olanda (3:20.81) segwiti mill-Polonja (3:21.68) li ħadu l-fidda u l-Britannja (3:21.74) il-bronż.