Monday, January 20, 2025

Atletika: Dillon Cassar jirbaħ ir-raba’ tellieqa tar-Road Running Series

Aqra wkoll

Dillon Cassar rebaħ ir-raba’ tellieqa tar-Road Running Series, fuq distanza ta’ 10km f’Ħal Far, rebħa li terġa’ tpoġġih fiċ-ċans għat-titlu finali. Prestazzjoni b’saħħitha għall-atleta ta’ Mellieħa AC, li rebaħ b’ħin ta’ 30:51 hekk kif irnexxilu jibqa’ quddiem Gabriel Farrugia ta’ Evolve, li minkejja sprint finali b’saħħtu temm sekonda wara r-rebbieħ. Aidan Tanti, ta’ Evolve wkoll, kiseb it-tielet post b’31:56.

B’din ir-rebħa, l-ewwel waħda fis-Serje ta’ Athletics Malta għal dan l-istaġun, Cassar issa laħaq lill-istess Farrugia fit-tieni post, biż-żewġ atleti punt biss distakk minn Luke Micallef li jinsab fl-ewwel post. Dan ifisser li kollox se jkun għadu miftuħ fl-aħħar żewġ tlielaq ta’ din il-kompetizzjoni nazzjonali.

Storja differenti fost in-nisa din is-sena, bl-atleta ta’ Pembroke Lisa Bezzina b’id waħda fuq it-titlu wara li kisbet ir-raba’ rebħa konsekuttiva b’ħin ta’ 37:52. Rosalie Borg, ta’ Pembroke wkoll, spiċċat it-tieni b’38:41, hekk kif iddefendiet it-tieni post tagħha fil-klassifika ġenerali. Mona Lisa Camilleri ta’ Libertas kisbet il-post finali fuq il-podju biex issa laħqet lil Josann Atttard Pulis (Blaze SC) u Ritianne Zammit (Pembroke) fit-tielet post tal-klassifika ġenerali.

Fil-League tal-klabbs, ir-rebħa ta’ Dillon Cassar tikkonsolida l-post ta’ Mellieħa AC fil-quċċata, iżda Evolve jibqgħu biċ-ċans grazzi għal żewġ atleti li l-klabb kellu fuq il-podju f’Ħal Far. Fost in-nisa, id-doppjetta Bezzina-Borg tfisser li Pembroke se jidħlu għall-aħħar żewġ tlielaq b’vantaġġ komdu fuq Mellieħa u Żurrieq li jinsabu t-tieni u t-tielet rispettivament.

Il-qofol tal-kampjonat se jintlaħaq fis-16 ta’ Frar u s-16 ta’ Marzu rispettivament, b’Athletics Malta torganizza ż-żewġ tlielaq finali f’Ta’ Qali, li se jservu wkoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali tat-10km u l-5km rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport