Saturday, December 21, 2024

Atletika: Dillon Cassar u Roberta Schembri jirbħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-5 kilometri

Aqra wkoll

Rebħa konvinċenti għal Dillon Cassar u Roberta Schembri fil-Kampjonati Nazzjonali tal-5 kilometri organizzat dalgħodu minn Athletics Malta fil-Park Industrijali ta’ Ħal Far.

Aktar minn mitt atleta pparteċipaw f’dan l-avveniment, li għall-ewwel darba f’pajjiżna ngħata ċertifikazzjoni minn World Athletics, hekk kif l-Assoċjazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha biex tgħolli l-kwalità tal-isport tal-atletika, inkluż f’avvenimenti li jsiru barra mill-istadia bħat-tellieqa tal-lum.

Dillon Cassar, tal-Mellieħa AC, ikkonferma s-saħħa tiegħu fuq id-distanza meta ġimgħa wara li rebaħ il-Kampjonat tax-Xitwa fuq l-istess distanza iżda fit-trakka, kompla jesprimi s-superjorità tiegħu anke fit-triq b’rebħa f’ħin ta’ 15-il minuta u 5 sekondi. Luke Micallef (Pembroke Athleta) u Simon Spiteri (St Patrick’s) spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Fost in-nisa, Roberta Schembri (Evolve Endurance Club) rebħlet l-ogħla unur b’ħin ta’  17:30, segwita minn Lisa Marie Bezzina (Pembroke) – li kienet qed tikkompeti ġimgħa biss wara l-maratona ta’ Sivilja – u Rachel Lee Borg (Pembroke) fit-tielet post. Għal Schembri, din ukoll kienet it-tieni rebħa fi tmint ijiem wara s-suċċess li kisbet fuq il-5000 metru fil-Kampjonat tax-Xitwa fit-trakka tal-Marsa.

L-appuntament li jmiss fix-xena tal-ġiri fit-toroq huwa l-maratona u n-nofs maratona organizzati minn SportMalta nhar il-Ħadd li ġej.

Ekonomija

Sport