Gabriel Farrugia kompla għaddej bil-mixja trijonfali tiegħu lejn l-ewwel titlu nazzjonali fir-Road Running meta ddomina mill-bidu sal-aħħar r-raba’ tellieqa tas-Serje, il-Beat Your PB 10k organizzata mill-Corsa f’Ta’ Xbiex. L-atleta ta’ Żurrieq Wolves temm id-distanza f’30:14, rekord nazzjonali ieħor fil-kategorija Under 23. Fit-tieni post, Mark Herrera ta’ Pembroke (32:49) segwit minn Jean Claude Rondon, ta’ Żurrieq ukoll, b’33:09.
Fost in-nisa, Lisa Bezzina (Pembroke) lura għar-rebħ b’37:55, quddiem Isaura Camilleri ta’ Żurrieq li kkonfermat il-forma tajba ħafna tagħha fil-preżent b’38:09. Fit-tielet post, Monalisa Camilleri (Libertas AC) b’39:59.
Fil-klassifika tal-irġiel, Farrugia jżomm vantaġġ komdu meta fadal biss żewġ tlielaq għal tmiem il-kampjonat, quddiem Aidan Tanti u Charlton Debono, it-tnejn ta’ Evolve Endurance Club. Fost in-nisa, Roberta Schembri tibqa’ tgawdi vantaġġ f’ras-il klassifika, b’Isaura Camilleri titla’ fit-tieni post u Rosalie Borg, it-tielet.
Fil-kompetizzjoni tal-klabbs, b’żewġ atleti fuq il-podju t-tim ta’ Żurrieq Wolves kabbar il-vantaġġ tiegħu fl-ewwel post, filwaqt li Mellieħa AC jaqbżu lill-Evolve fit-tieni post. Fil-kampjonat tan-nisa, Pembroke jkomplu jgawdu vantaġġ tajjeb fuq Evolve.
Il-kampjonat se jasal fi tmiemu b’żewġ tlielaq ta’ 5km, l-ewwel waħda fid-19 ta’ April f’Ta’ Qali li se sservi wkoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali fuq id-distanza, u finalment, fit-3 ta’ Mejju, b’tellieqa minn Tas-Sliema sal-Pieta’ organizzata minn Mellieħa AC.

