Sunday, December 22, 2024

Atletika: Gabriel Farrugia b’ġirja b’saħħitha fil-Kampjonat Ewropej tal-Cross Country

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħ Gabriel Farrugia kompla juri l-potenzjal tiegħu fl-atletika Maltija meta fil-Kampjonat Ewropew tal-CrossCountry fi tmiem il-ġimgħa kiseb wieħed mill-aqwa riżultati minn atleti Maltin fuq 5km. Huwa temm it-tellieqa fi Brussell, fil-Belġju f’ħin ta’ 18-il minuta u 22 sekonda biex b’hekk daħal quddiem atleti minn 19-il pajjiż differenti, ħafna minnhom b’ esperjenza ferm akbar f’din id-dixxiplina, fosthom l-Awstrija, l-Italja, il-Portugall, il-Ġermanja u t-Turkija.

Barra minn hekk, dan il-ħin ippermettilu biex jidħol fl-64 post, l-aqwa pożizzjoni miksuba minn atleta Malti fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew ta’ din id-dixxiplina.

Farrugia kien parti mid-delegazzjoni Maltija li ħadet sehem f’dawn il-Kampjonati Ewropej, esperjenza importanti għall-uħud mill-atleti Maltin f’kundizzjonijiet tal-ġiri li ftit huma mdorrijin bihom f’pajjiżna fuq ħaxix, tajn u ostakli oħra li joffri l-Park ta’ Laeken fil-kapitali Belġjana.

Huma kienu qed jikkompetu fost kważi 600 atleta minn 38 pajjiż Ewropew differenti.

Fost iż-żgħażagħ ta’ min jirrimarka wkoll il-prestazzjoni tal-Għawdxi David Borg li fuq 7km fl-Under 23 irreġistra ħin ta’ 27:14.

Fil-kategorija open tal-irġiel, id-detentur tat-titlu nazzjonali preżenti Luke Micallef ikkonferma s-saħħa tiegħu f’din id-dixxiplina meta fuq 9km ikkonkluda bħala l-aqwa Malti b’ħin ta’ 34:12 quddiem sħabu Shaun Galea u Charlton Debono. It-tellieqa open intrebħet mill-Franċiż Yann Schrub quddiem in-Norveġiż Magnus Tuv Myhre. It-tim Malti tal-irġiel kiseb it-13-il pożizzjoni fost il-pajjiżi kompetituri, ftit punti biss wara t-Turkija.

Fost in-nisa, Lisa Bezzina u Rachel Borg temmew fil-55 u 56 post rispettivament f’tellieqa fejn fuq quddiem spiċċaw l-atleta Norveġiża Karoline Grovdal u t-Taljana Nadia Battocletti.

SportMalta u l-Kumitat Malti appoġġjaw lill-Athletics Malta biex setgħet kienet preżenti f’din il-kompetizzjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport