Tuesday, August 5, 2025

Atletika: Ħames atleti Maltin jitilqu għal Tampere għal Kampjonati Ewropej U20

Aqra wkoll

Ħames mill-aktar żgħażagħ promettenti tal-atletika Maltija se jkunu qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna fil-Kampjonati Ewrorpej tal-Atletika tal-Under 20 li se jsiru f’Tampere, fil-Finlandja bejn is-7 u l-10 ta’ Awwissu. Huma se jkunu qed jikkompetu mal-aqwa talent fil-kontinent f’din il-kategorija wara staġun ta’ prestazzjonijiet tajbin, rekords u anke suċċessi internazzjonali.

Matthew Galea Soler se jkun qed itellaq fuq l-400m, distanza li fiha fil-preżent jinsab fost l-aqwa għaxra f’din il-kategorija fl-Ewropa. Riċenti, huwa kiser ir-rekord nazzjonali proprju fuq din id-distanza, hekk kif kiseb l-10 post fil-World University Games.

Thea Parnis Coleiro se tikkompeti fil-100m u l-200m sprint wara Sajf impressjonanti għaliha, li matulu rebħet żewġ midaji tad-deheb fil-Logħob tal-FISEC u kisret ir-rekords nazzjonali fil-kategoriji U18 u U20 fil-200m waqt il-European Youth Olympic Festival (EYOF), fejn waslet sal-finali. Hija kienet kissret ukoll ir-rekord tal-100m f’dawn iż-żewġ kategorija waqt meeting fil-Marsa f’Mejju l-għadda.

Isaac Bonnici se jtellaq fit-800m, wara li huwa wkoll kellu prestazzjoni mill-aqwa fil-World University Games fejn kiser ir-rekords tal-U20 u l-U23. Fost it-tfajliet, fl-istess distanza, Mireya Bugeja se ttellaq wara li fl-istess Logħob hija kisbet rekords nazzjonali ġodda fl-U20 u l-U23 fuq distanza ta’ 1500m.

Wara staġun b’saħħtu, Benjamin Salnitro se jirrappreżenta lil Malta fuq l-400m hurdles, fejn huwa d-detentur tar-rekords nazzjonali mhux biss fil-kategorija U20 iżda wkoll U23.

It-tim Malti huwa mmexxi mit-Team Leader Mario Bonello u l-kowċ Rachid Chouhal.

Barra mill-atleti, ħatra importanti għall-pajjiżna fost l-uffiċjali, fejn Antonella Chouhal se sserrvi ta’ World Athletics Referee f’dan l-avveniment prestiġjuż.

Il-parteċipazzjoni tat-Tim Malti fil-Finlandja hi appoġġjata minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport