Żewġ atleti Maltin kisru xejn anqas minn ħames rekords nazzjonali fi tmiem il-ġimgħa waqt kompetizzjonijiet fl-Istati Unti.
Waqt il-Kampjonati Amerikani f’Charlotte, Rachela Pace kellha prestazzjoni mill-aqwa b’żewġ rekords, fil-long jump u t-triple jump. B’qabża impressjonanti ta’ 6.48m fil-long jump hija mhux biss kisbet rekord ta’ pajjiżna iżda temmet fit-tieni post f’dan l-avveniment prestiġjuż.
Fit-triple jump, Pace marret saħansitra aħjar b’midalja tad-deheb hekk kif kienet qed tirrappreżenta t-tim ta’ University of Texas at San Antonio (UTSA), b’qabża ta’ 13.41m. B’hekk Pace kompliet iżżid ma’ sensiela ta’ unuri minkejja li għad għandha 21 sena, fosthon numru ta’ titli nazzjonali f’Malta kif ukoll it-titlu ta’ 2024 NCAA All-American – rikonoxximenet prestiġjuż għall-aqwa atleti fil-kulleġġi Amerikani. Iż-żewġ qabżiet ifissru wkoll li Pace kwalifikat għall-Kampjonati Ewropej U23 li se jsiru f’Bergen, fin-Norveġja.
F’kompetizzjoni oħra fl-Istati Uniti, il-Big Ten Championships f’Eugene, Clare McNamara tripletta ta’ rekords, din id-darba fit-tfigħ u b’14.67m fix-shotput, 51.54m fil-javelin. Dan barra li kisret b’mod qawwi r-rekord fil-heptathlon b’4907 punt, fejn temmet fit-tmien post.
Kampjonat Nazzjonali taż-Żgħażagħ
Intant, fi tmiem il-ġimgħa, l-attenzjoni ddur fuq iż-żgħażagħ hekk kif fil-Marsa, Athletics Malta torganizza l-Kampjonat Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-aħħar avveniment importanti fil-kalendarju ta’ dan l-isport qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra.