Il-Brittaniku, Josh Kerr, wettaq waħda mill-akbar sorpriżi meta, fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Atletika li qed isiru f’Budapest, għeleb liċ-champion Olimpiku Jakob Ingebrigtsen biex rebaħ il-midalja tad-deheb tal-1,500 metru.
Favorit fl-2022, Ingebrigtsen tan-Norveġja ġie megħlub mill-Brittaniku Jake Wightman biex tilef id-deheb u Kerr, li rebaħ il-midalja tal-bronż Olimpiku ta’ Tokyo wara Ingebrigtsen, għamel il-mossa tiegħu madwar l-istess post meta kien 200 metru għat-tmiem.
Kerr baqa’ fuq quddiem u rebaħ f’3:29.38 … b’Ingebrigtsen, li l-ġirja tiegħu ta’ 3:27.14 fil-Polonja ħames ġimgħat ilu għamlitu r-raba’ l-iktar raġel veloċi fl-istorja, kellu jikkuntentat bil-fidda f’3:29.65.
In-Norveġiż,Narve Gilje Nordas, kiseb il-bronż fi 3:29.68.