Tuesday, March 3, 2026

Atletika: L-isprinters jisirqu x-xena waqt il-Kampjonati tax-Xitwa

Aqra wkoll

Il-fażi inizjali tal-kalendarju atletiku Malti waslet fi tmiemha fi tmiem il-ġimgħa bil-Kampjonati tax-Xitwa ta’ Athletics Malta, avveniment tradizzjonali li jrebbaħ l-ewwel unuri ewlenin tal-istaġun fit-trakka.

L-isprints tas-60m reġgħu kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Fost l-irġiel, rebħa għal Omar El Aida Chaffey ta’ Żurrieq b’6.90s, quddiem Graham Pellegrini ta’ Pembroke f’7.20s. It-tellieqa tan-nisa ntrebħet minn Claire Azzopardi ta’ Pembroke b’7.69s quddiem Thea Parnis Coleiro ta’ Rush f’7.72. Din tal-aħħar ġriet aktar veloċi fis-semifinali, meta b’ħin ta’ 7.67s kisbet rekord nazzjonali fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena.

Parnis Coleiro telgħet fuq l-ogħla post tal-podju fit-300m, fejn din id-darba b’ħin ta’ 39.51s għelbet lill-Azzopardi li daħlet f’39.90s. Fost l-irġiel, ħim impressjonanti għal Matthew Galea Soler ta’ La Salle, 33.80s, quddiem Graham Pellegrini (34.66s).

Nathan Myers ta’ Rush AC rebaħ is-600m f’1:22.93, filwaqt li Matteo Gauci ta’ La Salle kiseb l-aqwa ħin nazzjonali fil-kategorija U16 b’1:24.20. Janet Richard ta’ Pembroke ddominat it-tellieqa tan-nisa b’ 1:31.98.

Matthew Azzopardi rebaħ it-tellieqa tal-1000 metru, bl-atleta ta’ La Salle jistabbilixxi rekord U18 b’ħin ta’ 2:32.93.

Fid-discus, Bradley Mifsud jerġa’ lura għall-kundizzjoni b’saħħitha b’rebħa ta’ 52.80m filwaqt li Sana Grillo li b’qabża ta’ 3.50m fil-pole vault ikkwalifikat għall-Kampjonati tal-Istati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Bosta atleti emerġenti kellhom prestazzjonijiet tajbin u anke kitbu rekords ġodda. Fosthom, Thais Catania, li b’tefgħa ta’ 31.00m fil-javelin kisbet national best fl-U18 u Sophia Curmi, li b’50.23m marret biss 4ċm ‘il bogħod mir-rekord fil-hammer. Żagħżugħ ieħor b’rekord fil-kategoriji ta’ taħt is-16-il sena kien Thomas Neil Attard fis-60m hurdles b’ħin ta’ 9.50s.

Rekord nazzjonali għal Mireya Bugeja fl-Istati Uniti

Barra minn xtutna, f’żewġ naħat kompletament opposti tad-dinja, żewġ prestazzjonijiet impressjonanti minn atleti Maltin. F’Indianapolis, fil-Big Ten Indoor Championships, Mireya Bugeja kisret ir-rekord nazzjonali tat-3000m, b’ħin ta’ 9:34:13. Fil-Maratona ta’ Tokjo, Luke Micallef kompla għaddej mis-serje pożittiva tiegħu meta b’ħin ta’ 2:18.05 kiseb it-tieni l-aqwa ħin Malti ta’ dejjem fuq din id-distanza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport