Tuesday, July 8, 2025

Atletika: L-istaġun Malti tat-trakka jilħaq il-qofol bil-Kampjonat Nazzjonali

Aqra wkoll

L-istaġun tat-trakka tal-atletika Maltija laħaq il-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa bil-Kampjonati Nazzjonali organizzat minn Athletics Malta. Total ta’ 164 atleta ħadu sehem fi tlett ijiem ta’ azzjoni, b’numru ta’ prestazzjonijiet tajbin u kompetizzjonijiet b’taqtigħat interessanti bejn atleti stabbiliti u talent emerġenti.

Fil-100 metru, jibqa’ jiddomina Beppe Grillo (Pembroke Ath) b’rebħa konvinċenti ta’ 10.47s, minkejja sfida denja minn Omar El Aida Chaffey ta’ Żurrieq (10.53s) u Luke Bezzina (Pembroke) (11.00s).

Fil-100m tan-nisa, rebħa sabiħa għaż-żagħżugħa Thea Parnis Coleiro (Rush AC) b’ħin ta’ 11.83s, l-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta taħt it-18-il sena f’din il-kompetizzjoni, li bih għelbet l-isfida taż-żewġ atleti ta’ Pembroke, Claire Azzopardi (11.95s) u Alessia Cristina (12.38s) f’finali eċitanti. Parnis Coleiro kisbet id-double fl-isprints, b’rebħa oħra fuq il-200m f’24.33s.

Doppjetta oħra kienet reġistrata minn Matthew Galea Soler ta’ La Salle, li kompla jibni fuq staġun ta’ suċċessi personali, hekk kif rebaħ il-200m f’21.75s u l-400m f’47.63s. L-istilla tad-distanza l-medja Gina McNamara wkoll temmet il-Kampjonati bi tnejn deheb, hekk kif iddominat kemm it-800m kif ukoll l-1500m. Fit-800m rġiel, iż-żagħżugħ ta’ Rush AC, Isaac Bonnici temm fl-ogħla post tal-podju minkejja kompetizzjoni ta’ atleti b’esperjenza, fejn rebaħ b’1:53.78.

Dillon Cassar (Mellieħa AC) estenda s-sensiela ta’ rebħ tieġħu fil-5000m, titlu li rebaħ għas-sitt sena konsekuttivaa f’14:56.92. Cassar kiseb midalja oħra tad-deheb meta rebaħ anke l-1500m, f’3:58.64.

Fit-3000m steeplechase, Luke Micallef żamm l-appuntament tiegħu ma’ dan it-titlu b’rebħa b’9:12.77. F’din it-tellieqa, kisba importanati għal Thomas Grech (La Salle) li mhux biss temm fit-tieni post b’10:16.48 iżda waqqaf rekord tal-Kampjonati Under 20 u under 23.

Fil-qbiż, Rachela Pace tat prova oħra ta’ forza b’żewġ rebħiet fil-long jump u t-triple jump, b’rekord tal-kampjonati f’din tal-aħħar b’12.93m. Fost l-irġiel, Romeo Flavio rebaħ il-long jump filwaqt li Ian Paul Grech rebaħ it-triple.

Tripletta għal Bradley Mifsud fit-tfigħ, f’deheb fid-discus, shotput u javelin.

Fil-hammer throw, prestazzjoni notevoli għal Bianca Shoemake (Rush AC), atleta ta’ 17-il sena b’tefa ta’ 52.20m b’implement ta’ 4kg, mhux biss kisbet rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena, iżda marret qrib ħafna r-rekord tal-kbar. Fost l-irġiel, deheb għal Kareem Luca Chouhal, mill-istess klabb, b’tefa’ ta’ 50.61m.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport