Saturday, December 21, 2024

Atletika: L-istaġun tat-trakka jiftaħ bi tliet rekords nazzjonali

Aqra wkoll

L-istaġun tal-atletika Maltija fit-trakka kellu bidu mill-aqwa fil-Matthew Micallef St John b’numru ta’ rekords nazzjonali miksuba fil-frażi bikrija tal-istaġun, li jawgura tajjeb għal staġun eċitanti għall-atleti Maltin.

Carla Scicluna fetħet l-istaġun b’rekord nazzjonali fantastiku fis-60m fl-ewwel tellieqa tagħha għall-2024, meta waqt l-ewwel Pre-Season Meeting ta’ Athletics Malta waqqfet l-arloġġ f’ħin ta’ 7.47s, quddiem Claire Azzopardi li wkoll irreġistrat ħin denju ta’ nota, dak ta’ 7.55s, li huwa l-aqwa ħin personali għaliha.

It-tieni rekord nazzjonali kien reġistrat aktar tard matul il-jum meta Graham Pellegrini  rebaħ it-tellieqa tat-300m b’33.38s, l-aqwa ħin fuq livell ta’ kbar u Under 23. L-atleta ta’ Pembroke kiseb dan l-unur sabiħ prattikament sitt xhur wara li għamel tiegħu wkoll ir-rekord nazzjonali tal-400m.

It-tielet rekord nazzjonali ġie reġistrat ħafna mili aktar ‘il bogħod, meta Rachela Pace kompliet timpressjona fl-esperjenza tagħha mal-Universita’ ta’ Fresno State. F’kompetizzjoni fl-Istati Uniti hija qabżet 6.31m biex issa żiedet ir-rekord nazzjonali tal-long jump indoor ma’ dak tat-triple jump indoor.

L-ewwel avveniment fl-istadium tal-Marsa ġab miegħu numru ta’ prestazzjonijiet tajbin anke mill-atleti żgħażagħ. Fuq quddiem, rebħa b’saħħitha għal Michael Debattista Segond, bl-atleta ta’ Pembroke jikseb ħin ta’ 2:36.05 fit-tellieqa ta’ 1000m, rekord nazzonali għall-kategoriji Under 23, 20 u 18. Il-prestazzjoni tiegħu tawgura tajjeb għall-parteċipazzjoni tiegħu nhar il-Ħadd bħala rappreżentant ta’ pajjiżna fil-Kampjonat tal-Balkani Indoor tal-Under 20 f’Belgrad. Huwa se jkun qed itellaq fuq distanza ta’ 800m flimkien mal-atleta Malti ieħor Isaac Bonnici.

Rekords oħra kienu reġistrati minn Jordan Pace ta’ Savio fit-300m hurdles fil-kategoriji Under 20 u 23 (42.09s) u minn Bianca Shoemake (Rush AC) li b’tefa’ ta’ 52.47mm fil-hammer kisret ir-rekord tal-Under 18.

L-atleti l-kbar se jkunu lura fit-trakka nhar is-Sibt li ġej għat-tieni Pre-Season Meeting ta’ Athletics Malta, filwaqt li l-kategorji ż-żgħar jirritornaw il-Ħadd b’tellieqa cross-country fil-Marsa l-Ħadd filgħodu, bl-atleti jiġru dawriet ta’ 1000m, waħda għall-Under 12, tnejn għall-Under 14 u tlieta għall-Under 16.

Ekonomija

Sport