Saturday, December 28, 2024

Atletika: Malta bl-aqwa pożizzjoni fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet

Aqra wkoll

Malta temmet l-impenji tagħha fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet tal-Atletika li saru fil-Polonja fil-ħames post, l-aqwa pożizzjoni qatt miksuba barra minn xutna. Permezz ta’ serje ta’ riżultati tajbin fil-kompetizzjonijiet differenti ta’ track u field, it-tim Malti tejjeb żewġ pożizzjonijiet fuq il-klassifikazzjoni finali tat-tielet diviżjoni ta’ sentejn ilu.

L-Irlanda ħadet l-ewwel post fost il-15-il nazzjon, segwita mill-Awstrija u Israel, b’dawn it-tlieta b’hekk jiksbu l-promozzjoni għat-tieni diviżjoni. Malta temmet fil-ħames post wara l-Bożnja, biex b’hekk temmet quddiem nazzjonijiet b’saħħithom inklużi bosta mil-Lvant tal-Ewropa bħall-Ġorġja, il-Montenegro u l-Ażerbajġan. Filfatt, Malta kienet għal ħin twil matul dawn it-tlett ijiem fir-raba’ post, iżda fl-aħħar ftit il-Bożnja kisbet din il-pożizzjoni b’riżultati ta’ atleti mill-aqwa fit-tfigħ, bħal shot put u javelin.

Jordan Gusman kiseb rebħa sabiħa għal Malta fil-5000m meta temm it-tellieqa f’ħin ta’ 14:16.92 wara taqtigħa mill-isbaħ bejn numru ta’ atleti. Għat-tieni darba fi tlett ijiem, Gina Mcnamara temmet fit-tieni post fit-tellieqa tagħha, din id-darba b’aċċellerazzjoni mill-isbaħ fl-aħħar metri fejn temmet b’4:28.28 wara l-Irlandiża Sophie O’Sullivan.

Prestazzjonijiet tajbin fuq il-200m għal Beppe Grillo li temm il-ħames b’21.42s u Charlotte Wingfield li fost in-nisa klassifikat fis-sitt post 24.43s. Rosalie Cauchi kisbet punti għal Malta fit-3000m steeplechase, fejn temmet fis-sitt post b’11:36.84, l-istess pożizzjoni tat-tim tar-relay imħallat 4x400m.

L-ewwel punti tal-Ħamis kienu nkisbu minn Clare Mcnamara li fil-javelin temmet fis-sitt post b’36.67m filwaqt li Ryan John Zammit qabeż 1.70m fil-high jump biex temm id-disa’. Sfortuna għal Claire Azzopardi I weġġgħet fl-ewwel qabża tagħha u għalkemm kellha tirtira, dik il-qabża ta’ 5.77m fissret il-ħames post. L-għodwa tal-lum kienet mill-aktar intensiva għal James Armani li rnexxilu jikseb riżultati rispettabbli kemm fil-javelin kif ukoll fix-shotput.

Fi tmiem il-Kampjonat, il-President ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar qal: “Dan kien riżultat tajjeb ħafna għal Team Malta u l-atleti tagħna kkompetew ma’ avversarji b’saħħithom ħafna, b’uħud minnhom kienu rebħu midalji fuq l-ogħla livelli Ewropej fuq bażi individwali. Dawn ir-riżultati taw xhieda li GSSE 2023 ma kienx episodju iżolat, jew għax sar f’pajjiżna. Terġa’ u tgħid kellna numru ta’ atleti neqsin, bejn min kien imweġġa’ u oħrajn b’eżamijiet. Dawn ir-riżultati jimluna b’kuraġġ biex inkomplu fil-ħidma tagħna biex ninvestu fl-aqwa atleti tagħna iżda wkoll li nallokkaw aktar riżorsi għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li nittama tkun ispirata mir-riżultati li dawn l-atleti kisbu fl-aħħar jiem u ġimgħat”.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kampjonati Ewropej fil-Polonja kienet appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Malti u minn Sport Malta.

Ekonomija

Sport