Sunday, November 3, 2024

ATLETIKA: Malta International Challenge Marathon tiċċelebra it-30 edizzjoni

Aqra wkoll

L-edizjoni tal-2022 tal-Malta International Challenge Marathon ser tkun qed tiċċelebra t-30 edizzjoni tagħha, wara posponiment ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

L-organizzatur Birkirkara Saint Joseph Sports Club ħabbar rata speċjali ta’ €75 għall-reġistrazzjonijiet li jaslu bejn it-8 ta’ Settembru u l-31 ta’ Ottubru. Filwaqt li l-entrati li jaslu bejn l-1 u l-24 ta’ Novembru se jkunu ta’ €90. Il-ħlas japplika kemm għal timijiet individwali kif ukoll għal timijiet relay.

Il-Club ħabbar ukoll li l-parteċipanti li diġà rreġistraw għat-tellieqa ta’ din is-sena se jibbenefikaw ukoll minn din ir-rata speċjali. Rifużjoni tad-differenza se tingħata lill-parteċipanti fil-jiem li ġejjin.

Unika fil-format tagħha, il-Malta International Challenge Marathon, magħrufa “iċ-Challenge” mill-mijiet ta’ runners li ħadu sehem fiha, hija maratona  mifruxa fuq perjodu ta’ tlett ijiem. Tradizzjonalment iċ-Challenge ssir fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Novembru.

Ir-rotot magħżula biex isegwu r-regoli tal-World Athletics u AIMS (Association of International Marathon and Distance Races) iżda fl-istess ħin joffru l-atleti rotta fuq wħud mill-aktar żoni xeniċi ta’ Malta.

L-ewwel tappa hija ta’ 16-il km li tibda u tispiċċa fis-Siġġiewi, it-tieni tappa hija tellieqa qasira ta’ 5 km f’Marsascala, filwaqt li l-aħħar tappa hija r-rotta ta’ 21km (Nofs Maratona) li tgħaqqad veduti kostali u rurali f’San Pawl il-Baħar.

It-tiġrija tilqa’ wkoll it-timijiet tar-Relays, li huma l-opportunità perfetta għall-atleti li forsi ma jixtiequx jiġru d-distanza sħiħa iżda jixtiequ jkunu parti minn esperjenza unika.

Il-Malta International Challenge Marathon issir taħt l-awspiċi ta’ Athletics Malta, skont ir-regoli tal-World Athletics u hija tiġrija ċertifikata AIMS (Association of International Marathon and Distance Races).

Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir online fuq il-websajt tal-Klabb permezz ta’ din il-link – https://bsj.mt/event/2022-eurosport-malta-international-challenge-marathon/

Sport