Marileidy Paulino tar-Repubblika Dominikana rebħet id-deheb fl-400 metru fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Atletika li qed isiru f’Budapest biex kisbet l-ewwel post fuq il-podju wara l-fidda li kisbet is-sena li għaddiet u l-Olimpjadi ta’ Tokyo.
It-tellieqa kienet miftuħa beraħ fin-nuqqas tal-Amerikana midruba Sydney McLaughlin-Levrone, id-detentur tar-rekord dinji tal-400m hurdles kif ukoll taċ-champion renjanti, Shaunae Miller-Uibo, li għadha kif kellha tarbija.
Paulino, it-tieni l-aktar veloċi fid-dinja din is-sena, kienet taf li qatt ma kienet se tieħu ċans aħjar li ssir l-ewwel champion tad-dinja femminili Dominikana.
Infatti hija ma ddizappuntatx meta rebħet f’ħin ta’ 48.76 sekondi.
Il-Polakka Natalia Kaczmarek spiċċat fit-tieni post u ħadet il-fidda f’49.57 sekondi segwita minn Sada Williams tal-Barbados, li ħadet il-bronż f’49.60 sekondi.