Fis-sitt ġurnata tal-Kampjonati tad-Dinja tal-Atletika li qed isiru f’Oregon, l-Istati Uniti, l-unuri marru għand Norah Jeroto li tat l-ewwel midalja tad-deheb lil Kazakhstan meta rebħet it-3,000m steeplechase waqt li ċ-Ċiniża Feng Bin ħadet id-deheb fid-discus.
Din kienet it-tielet ġurnata wara l-oħra li l-Amerikani naqsu li jirbħu midalja tad-deheb għalkemm wieħed irid jgħid li d-dixxiplini li saru ma kienux tradizzjonalment ‘tagħhom’.
3,000m STEEPLECHASE NISA
Lura fil-post fejn kienet saret it-tielet l-aktar steeplechaser tan-nisa tat-3,000m ta’ kull żmien, Norah Jeruto tal-Kazakhstan iggradwat minn champion tad-dinja Under-18 għal champion tad-dinja tal-kbar, u issa mexxiet tellieqa storika f’Eugene.
Is-sena l-oħra l-atleta ta’ 26 sena waqqfet l-arloġġ fi 8:53.02 minuti f’Hayward Field u nhar l-Erbgħa emulat dak il-ħin meta ġriet id-distanza fi 8:53.65, biex saħħet ir-rekord tal-kampjonat u fl-istess ħin ikkonsolidat il-post numru tlieta fil-lista fl-istorja ta’ kull żmien.
Fl-ewwel tiġrija tan-nisa ta’ 3,000m steeplechase fl-istorja fejn l-ewwel tlieta kollha niżlu taħt id-disa’ minuti, Jeruto kienet segwita minn fuq il-linja finali miċ-champion Afrikana, l- Etijopjana Werkuha Getachew, f’rekord nazzjonali ta’ 8:54.61 u Mekides Abebe fir-raba’ post Olimpiku bl- aqwa ħin personali ta’ 8:56.08.
Dawn il-ħinijiet imexxuhom fir-raba’ u fil-ħames postijiet rispettivament wara Jeruto fil-lista dinjija ta’ kull żmien.
Din hija l-ewwel deheb globali tal-kbar ta’ Jeruto u l-ewwel titlu li qatt rebħu l-Kazakhstan fil-Kampjonati Dinji tal-Atletika.
Kien f’Lille fl-2011 li Jeruto rebħet it-titlu mondjali tal-Under-18 2,000m steeplechase għall-Kenja. Fil-proċess li taqleb il-lealtà tagħha lejn il-Kazakhstan is-sena l-oħra, hija tilfet il-Logħob Olimpiku, iżda reġgħet lura għall-kompetizzjoni internazzjonali bi stil mill-aqwa f’Oregon.
“Fil-linja tat-tluq kont nibża’ minn sħabi mill-Etijopja,” qalet ir-rebbieħa.
“Huma wkoll champions bħali, allura bżajt minnhom. Ippruvajt minn kollox biex nirbaħ it-tellieqa u ma kinitx faċli.
“Iddeċidejt li nkun fuq quddiem għax inħobb nikkontrolla t-tellieqa, biex niżgura li nista’ nissielet għall-midalji.”
U mhux kull midalja. Hija ssieltet għad-deheb u ċċelebrat ma’ sħabha li rebħu l-midalji billi qabżet fil- qabża tal-ilma.
Jeruto ngħaqdet minn oħtha f’Oregon, iċ-champion tad-dinja tal-Under-20 tal-2012, Daisy Jepkemei, li ġriet 9:23.07 biex spiċċat fis-sitt post fil-heat tal-isteeplechase tagħha.
DISCUS NISA
It-tliet rebbieħa tal-midalji fid-discus tan-nisa kienu għadhom qed jieħdu dawra tal-unur u jippożaw għar-ritratti mal-partitarji filwaqt li t-3,000m steeplechase tan-nisa wkoll okkupat il-korsiji ta’ ġewwa.
“Din hija l-ħames midalja tiegħi konsekuttiva, għalhekk naf kif naġixxi meta nkun qed nieħu midalja fil-Kampjonati tad-Dinja,” qalet Sandra Perkovic tal- Kroazja. “Naħseb li t-tlieta li aħna ħaqqna li jkollna dan l-applaws, għax verament iġġelidna.”
Feng Bin taċ-Ċina bdiet b’tefgħa qawwija ta’ 69.12m malli daħlet fiċ-ċirku, li qabżet l-aqwa tagħha ta’ 66.00m minn April b’aktar minn tliet metri. It-tefgħa kienet ukoll it-tieni l-aktar ‘il bogħod din is-sena.
Perkovic, li sejħet il-kompetizzjoni “waħda mill-aktar finali stressanti li niftakar”, irreġistrat l-aqwa tefgħa tal-istaġun ta’ 68.45m fit-tieni tentattiv tagħha għall-midalja tal-fidda.
Iċ-champion Olimpika ta’ Tokyo, Valarie Allman, ħadet il-bronż bl-aħjar tefa’ tagħha ta’ 68.30m fit-tielet round biex saret l-ewwel mara Amerikana li telgħet fuq il-podju fl-avveniment fl-istorja tal-Kampjonati tad-Dinja.
Ħadd ieħor fil-qasam ma seta’ jasal sa tliet metri mill-medallisti, b’Jorinde van Klinken tal-Olanda tispiċċa r-raba’ f’64.97m u ċ-champion renjanti, Yaime Perez ta’ Kuba, fis-seba’ post bi 63.07m.
U filwaqt li Perkovic u Allman ppruvaw bil-qawwa kollha, ma setgħux jaqblu ma’ Feng. L-aħjar tentattiv ta’ Perkovic fl-aħħar tliet rounds kien 67.74m, filwaqt li l-aħjar ta’ Allman kien 68.05m.
It-thrower Ċiniża ta’ 28 sena lanqas ma setgħetx tidduplika l-isforz tagħha tal- ewwel round, bl-aħjar tefa’ li jmiss tagħha tkun ta’ 66.89m.