Friday, December 20, 2024

Atletika: Prestazzjoni b’saħħitha minn Team Malta fil-World Mountain and Trail Championships f’Innsbruck

Aqra wkoll

Ftit huma t-tlielaq b’diffikultà akbar minn dawk tal-World Mountain and Trail championships u l-atleti Maltin ma ddiżappuntawx  hekk kif ikkompetew fost l-aqwa 1400 atleta tad-dinja fix-xenarju mill-isbaħ ta’ Stubai, Innsbruck fl-Awstrija.

Filfatt, Team Malta kiseb riżultat prestiġġjuż meta temm fil-25 post fil-Kampjonat Dinji,  quddiem pajjiżi akbar u muntanjużi f’tellieqa ta’ 15km b’elevazzjoni ta’ aktar minn 1,000 metru. It-tim Malti kien kompost miċ-Champion tal-Malta Mountain Running, Luke Micallef (Pembroke Athleta), frisk minn midalja tal-bronż fil-GSSE 2023, li kiseb il-55 post quddiem fost l-aqwa atleti fil-kategorija, Simon Spiteri (St. Patrick’s – 72 post) u Jake Fenech (Libertas – 110 post).

Għal Spiteri, dan ir-riżultat kien aktar notevoli meta wieħed iqis li jumejn biss qabel ħa sehem f’tellieqa oħra ta’ 7.1km vertikali, b’sprint mill-aqwa fl-aħħar parti tat-tellieqa biex temm fil-71 post, u għeleb atleti minn 27 pajjiż fosthom mill-Istati Uniti, Portugall, Norveġja, Awstralja u oħraj. Mark Pace (St. Patrick’s AC) kellu wkoll prestazzjoni tajba fid-debutt tiegħu f’dan l-avveniment internazzjonali, u temm fil-110 post, tliet pożizzjonijiet quddiem Jake Fenech (Libertas Malta).

Fit-tellieqa tan-nisa, 7.1km vertikali, Rachel Borg (Pembroke Ath), rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat tal-Malta Mountain Running ġriet ukoll tellieqa b’saħħitha u temmet fit-83 post, filwaqt li Giselle Camilleri (St. Patrick’s AC) kellha ritorn tajjeb wara disa’ snin, meta temmet fid-89 post, biż-żewġ Maltin jgħaddu atleti mill-Awstralja u l-Istati Uniti fost l-oħrajn. Borg ġriet ukoll fit-tellieqa tal-15km fuq/isfel u temmet fil-81 post.

Ryan Farrugia, l-aqwa atleta tal-ultra trail f’Malta ħa sehem f’tellieqa trail ta’ xejn anqas minn 45km b’elevazzjoni ta’ 3000m u klassifika fil-112 post minnn 172 atleta b’ħin tajjeb ta’ 5 sigħat u 47 minuta fejn b’hekk temm quddiem uħud mill-aqwa atleti tat-trail minn 25 pajjiż differenti.

Il-parteċipazzjoni ta’ Team Malta f’dan l-avveniment internazzjonali kienet appoġġjata mill-Malta Mountain and Trail Running, li hija affiljata ma’ Athletics Malta. Id-delegazzjoni kienet akkumpanjata mit-Team Leader Gerald Grech u l-kowċ Ivan Rozhnov.

Ekonomija

Sport