It-tħejjija għall-istaġun tal-atletika beda dieħel fil-qofil tiegħu hekk kif Athletics Malta organizzat it-tieni Pre-Season Meet għal din is-sena, bi programm sħiħ fil-Marsa, bil-parteċipazzjoni ta’ numru mdaqqas ta’ atleti fost l-avvenimenti kollha.
Minkejja l-fażi bikrija tal-istaġun, l-avveniment wassal għal serje ta’ prestazzjonijiet tajbin inkluż żewġ rekords fuq livell nazzjonali fost il-kategoriji taż-żgħażagħ, kollha minn atleti tat-tim ta’ La Salle. Matteo Gauci kiseb rekord ġdid fil-katgorija U16 fl-1000m, b’ħin ta’ 2:38.92, filwaqt li Matthew Azzopardi kiseb rekord fis-600m fil-kategorija U18, meta temm b’1:22.78.
L-isprints komplew jattiraw numru sabiħ ta’ atleti, inkluż fuq is-60m. Fost l-irġiel, Jorrin Busuttil ta’ Pembroke Athleta rreġistra l-aqwa ħin b’7.06s, quddiem Luca Gerada ta’ Rush AC b’7.11s, żewġ atleti żgħażagħ li kellhom prestazzjonijiet inkoraġġanti. Busuttil kiseb doppjetta meta kellu l-aqwa ħin anke fit-300m, 34.81s, fejn temm quddiem Graham Pellegrini ta’ Pembroke wkoll li kellu ħin ta’ 34.95s. Ta’ min isemmi fis-60m, Rachid Chouhal waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 7.51s, rekord nazzjonali M50.
Fost it-tfajliet, parteċipazzjoni tajba ħafna b’xejn inqas minn 37 atleta jikkompetu fuq is-60m. Claire Azzopardi kienet l-unika li niżlet taħt it-tmien sekondi (7.60s), quddiem l-atleta tal-istess klabb tagħha ta’ Pembroke, Alessia Cristina (8.04s) u Carey Spiteri ta’ Rush AC (8.06s). Azzopardi wkoll wettqet doppjetta meta rebħet it-300m b’mod domiannti, fejn temmet f’40.01s, din id-darba quddiem Spiteri li rreġistrat 42.47s.
Rekord ieħor li waqa’ fil-Marsa kien dak tas-600m fil-kategorija M40, din id-darba jkun Neil Brimmer b’ħin ta’ 1:27.76. Prestazzjonijiet oħra ta’ nota kienu fil-javelin minn Mariah Barbara, li fil-kategorija Under 23 irreġistrat tefgħa ta’ 33.90m fil-hammer throw. Min-naħa l-oħra l-atleta ta’ 14-il sena Sophia Curmi, kellha tefa’ b’saħħitha ta’ 48.62m.
Intant, numru ta’ atleti Maltin kellhom prestazzjonijiet b’saħħithom barra minn xtutna. Charlotte Wingfield ġriet is-60m f’7.64s waqt il-Kampjonati Indoor ta’ Wales, l-aktar ħin veloċi din is-sena minn atleta Maltija f’trakka indoor. Fl-Istati Uniti, Jeremy Zammit, li jirrappreżenta lill-UCLA, irreġistra 7.31m fil-long jump waqt id-Dr Martin Luther King Jr Invitational 2026, biex ftit jiem wara qabeż saħansitra 7.46m waqt in-New Mexico Collegiate Classic 2026. Finalment, Mireya Bugeja ġriet it-3000m f’9:50.26 f’Indianapolis, riżultat ieħor li juri t-titjib tal-prestazzjonijiet tal-Maltin fuq livell internazzjonali. Kisba oħra għall-Malta kienet dik ta’ Rebecca Sare, li rebħet id-deheb fil-long jump waqt l-Open Masters f’Abu Dhabi, b’qabża ta’ 5.44m.

