Tuesday, January 20, 2026

Atletika: Roberta Schembri u Gabriel Farrugia jirbħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-10km

Aqra wkoll

Gabriel Farrugia u Roberta Schembri rebħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-10km f’Ta Qali, tellieqa li serviet ukoll bħala t-tielet minn sitta fir-Road Running Series għall-istaġun 2025-2026.

L-atleta ta’ Żurrieq Wolves Gabriel Farrugia rebaħ it-titlu bi prestazzjoni li fissret ukoll rekord nazzjonali ġdid fil-kategorija Under 2023, ħin ta’ 30:19. Aidan Tanti ta’ Evolve (32:12) u Isaac Leo Attard ta’ Gozo Atletix (32:14) temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament. B’din ir-rebħa, it-tielet waħda fi tliet tlielaq, Farrugia saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-quċċata tal-kampjonat nazzjonali tar-road running, hekk kif qed ifittex dan it-titlu għall-ewwel darba fil-karriera żagħżugħa tiegħu.

Fost in-nisa, Roberta Schembri ta’ Evolve reġgħet lura fuq l-ogħla post tal-podju tal-Kampjonat Nazzjonali tat-10k wara erba’ snin, b’ħin konvinċenti ta’ 37:11. Ritianne Zammit (Pembroke) u Isaura Camilleri (Żurrieq) kisbu t-tieni u t-tielet post b’37:56 u 38:07. Filwaqt li t-titlu tal-kampjonat tan-nisa għadu miftuħ qabel l-aħħar tliet itlielaq, it-tieni rebħa ta’ Schembri tfisser pass importanti għaliha lejn ir-rebħ ta’ dan it-titlu.

Għall-avveniment ta’ din is-sena, bl-għan li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni u anke l-livell tal-kompetizzjoni, Athletics Malta fetħet it-tellieqa għal atleti internazzjonali kif ukoll għal atleti lokali mhux kompetittivi. Fost in-nisa, l-ewwel post ittieħed mill-atleta Brittanika Jemima Farley b’ħin ta’ 34:09.

Rekord ieħor imwaqqaf matul din it-tellieqa kien miż-żagħżugħa Aliyah Galea (La Salle) li kisbet rekord nazzjonali fil-kategorija Under 18 b’ħin ta’ 46:46.

Id-dominju ta’ Farrugia fil-kategorija tal-irġiel poġġiet lit-tim ta’ Żurrieq Wolves f’pożizzjoni komda fil-quċċata tal-kampjonat tat-timijiet tal-irġiel, filwaqt li t-timijiet li kkontendew it-titlu fl-aħħar snin, Evolve u Mellieħa AC, jidher li jkunu qed jissieltu għat-tieni post. Fost in-nisa, Pembroke Athleta jidhru f’pożizzjoni tajba li jiddefendu t-titlu tagħhom b’vantaġġ tajjeb fuq Evolve.

Ir-raba’ avveniment tas-serje se tkun fit-8 ta’ Marzu, it-tellieqa Beat Your PB, fuq distanza ta’ 10km f’Ta’ Xbiex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport