Thea Parnis Coleiro kompliet turi l-progress b’saħħtu b’riżultat impressjonanti waqt iċ-Challenge Meeting ta’ Athletics Malta tal-Ewwel ta’ Mejju fejn irreġistrat ħin ta’ 24.17s fil-200m, rekord nazzjonali fl-Under 20 u Under 18.
Dan fisser li għall-atleta żagħżugħa ta’ Rush AC, din kienet it-tieni kisba tagħha f’inqas minn ġimgħa meta s-Sibt ta’ qabel hija kisret ir-rekords tal-istess kategorija fit-tellieqa tal-100m, li rebħet b’ħin ta’ 11.79s. Hemmhekk, Parnis Coleiro temmet quddiem l-atleti ta’ Pembroke Claire Azzopardi u Alessia Cristina, b’11.87 u 12.39s rispettivament.
Beppe Grillo (Pembroke) ikkonferma d-dominanza tiegħu fost l-irġiel meta rebaħ il-200m sprint f’21.26s, quddiem Matthew Galea Soler ta’ La Salle (21.79s) u Graham Pellegrini (21.98s).
Kayleigh Anne Ellul, kompliet fejn ħalliet fl-aħħar jiem fejn kienet rebħet żewġ midalji tal-bronż fil-Logħob Internazzjonali tal-Iskejjel fis-Serbja, meta kisbet żewġ national bests fil-kategorija Under 16, grazzi għal ħinijiet ta’ 12.42s u 1:06.58 fit-80m hurdles u l-400m hurdles rispettivament.
Fost prestazzjonijiet notevoli oħra, Matthew Azzopardi ta’ La Salle rebaħ it-800m
f’ħin ta’ 1:58.45.
L-atleti issa jerġgħu lura fit-trakka fi-17 ta’ Mejju għall-aħħar Challenge Meeting, hekk kif itemmu t-tħejjija tagħhom għall-Kampjonati Nazzjonali.