Friday, December 27, 2024

“Att barbaru bla qies”

30 sena ħabs talli qatel raġel b’sikkina fil-Marsa sena ilu

Aqra wkoll

Al Mahy Ezzo Saeed, raġel ta’ 29 sena mis-Sudan ġie kkundannat 30 sena ħabs wara li ammetta li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel ieħor fil-Marsa u li kawża ta’ dawn id-daqqiet tilef ħajtu.

Saeed għażel li jammetti l-akkużi minflok għadda ġuri dwar każ li kien seħħ il-Ħadd, 24 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet għall-ħabta tas-6.30pm fi Triq Patri Feliċjan fil-Marsa.

F’din l-aggressjoni, Mahmoud Adly Qasim Gouda, Eġizzjan ta’ 25 sena kien qala’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’dahru u anke f’parijiet oħrajn ta’ ġismu. Minkejja li hu kien ingħata l-għajnuna medika fuq il-post u anke ttieħed l-Isptar Mater Dei, hu kien ġie ċċertifikat mejjet ftit wara.

Il-ħati kien inżamm minn persuni li kienu fuq il-post biex ma jaħrabx sakemm waslu l-pulizija fejn setgħet jarrestawh. Wara li saru l-investigazzjonijiet hu kien tressaq il-Qorti, iżda kien wieġeb mhux ħati.

Hekk kif kien se jibda biex jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, is-Sudaniż ammetta li qatel lil Eġizzjan.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma jistax ikun hawn min jaħseb li jista’ jaqbad u jferi lin-nies ta’ xejn b’xejn u jibqa’ qatt ma jsib l-id tal-ġustizzja li tikkundannah. L-Imħallef iddeskriviet l-att li wettaq Al Mahy Ezzo Saeed bħala wieħed barbaru bla qies.

Il-Qorti qalet li minħabba ċ-ċirkostanzi u anke hekk kif kien hemm ammissjoni bikrija kienet qiegħed tikkundannah għal 30 sena ħabs u multa ta’ €116. Qtil bħalma wettaq is-Sudaniż iġorr miegħu sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Ekonomija

Sport