Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech dwar il-qtugħ ta’ siġar quddiem l-Iskola Primarja tal-lokalità
Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech ddeplora l-qtugħ tas-siġar quddiem l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u ddeskriva dan bħala “att oxxen u insensittiv fil-konfront tal-komunità Siġġiwija.”
Is-Sindku tas-Siġġiewi kien qed jirreaġixxi għar-ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali li fihom jidhru għadd ta’ siġar maqtugħin quddiem l-imsemmija skola.
Huwa kkjarifika li s-siġar li nqatgħu l-Erbgħa huma proprjetà tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u għaldaqstant il-Kunsill la għandu jedd fuq din il-parti tal-iskola u wisq inqas tal-kura ta’ dawn is-siġar.
Grech tenna wkoll li jistenna li istituzzjoni edukattiva tippromwovi t-tħawwil ta’ siġar ġodda u mhux qtugħ ta’ siġar eżistenti.