Thursday, March 13, 2025

Attakk aħrax mill-estremisti tal-PN kontra l-Ġudikatura

Aqra wkoll

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Maġistrat Bridgette Sultana ċaħdet il-ftuħ ta’ 3 inkjesti li fihom kellu jiġi investigat il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Prim Ministru Dr Robert Abela f’messaġġ li tella’ fuq il-midja soċjali qal li “infurmat li l-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista għadha kif għamlet l-eħrex attakk li qatt sar kontra l-Ġudikatura.”

“Għax Maġistrat ma ddeċidietx kif riduha huma, f’att ġudizzjarju akkużawha li hi kompliċi f’reat u f’illegalità. U talbu li tinfetaħ investigazzjoni ‘fuq diversi livelli’ fuq żewġ Maġistrati. Dan hu attakk faħxi fuq l-istituzzjoni tal-ġustizzja ta’ pajjiżna, li nikkundannah b’saħħti kollha u mhux ser inħallih għaddej, aktar u aktar minn min ġej,” kompla jikteb il-Prim Ministru.

Stqarr li ma jistax jifhem is-skiet assolut, u l-ebda kundanna mill-ħbieb tal-fazzjoni estrema li fi Brussell b’ipokrezija, jmorru jħammġu isem pajjiżna. “Double standards assolut,” temm jikteb il-Prim Ministru Robert Abela.

Intant, l-Avukat Jason Azzopardi appella mis-sentenza tal-Qorti Kriminali li ċaħdet it-3 talbiet għal inkjesti maġisterjali.

Azzopardi qiegħed jgħid li d-digriet li bih ġiet miċħuda t-talba tiegħu ma ħariġx mill-Maġistrat li ġiet assenjata l-kawża, il-Maġistrat Brigette Sultana iżda mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Allega li d-dokument tad-digriet juri li nkiteb mill-Maġistrat Frendo Dimech u mhux mill-Maġistrat Sultana.

Għalhekk, skont Azzopardi dan kollu jqajjem dubji dwar il-proċess u r-raġunament legali wara din iċ-ċaħda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport