Saturday, November 9, 2024

Attakk b’bomba fuq skola fl-Ukrajna jħalli għexieren mejtin

Aqra wkoll

Għexieren ta’ persuni hu mifhum li tilfu ħajjithom wara li bomba laqtet skola fil-Lvant tal-Ukrana, żona fejn il-forzi tal-gvern qed jikkumbattu t-truppi Russi u s-separatisti. 

Il-każ seħħ fir-reġjun ta’ Luhansk, u l-gvernatur Serhiy Haidai kkonferma li kien hemm żewġt imwiet. Apparti hekk, hemm biża’ kbir li 60 persuna jista’ jkun li għadhom maqbudin taħt it-tifrik tal-iskola f’Bilohorivka u b’hekk hemm possibbiltà li n-numru ta’ persuni mejta jista’ jkompli jiżdied. Hu mifhum li madwar 90 persuna kienu qed jingħataw kenn f’din il-binja fil-ħin li seħħet l-isplużjoni, u s’issa kien hemm 30 li ġew salvati, b’uħud minnhom feruti. 

Haidai qal li kien ajruplan Russu li tefa’ l-bomba li laqtet din l-iskola. Ta’ min jgħid li l-akkuża tiegħu ma ġietx ivverifikata b’mod indipendenti mill-mezzi tal-midja u l-awtorita­jiet Russi ma taw l-ebda risposta dwar dan. Ir-reġjun ta’ Luhansk esperjenza ġlied qalil ħafna f’dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif it-truppi Russi u s-separatisti qed jipprovaw jegħlbu lill-forzi tal-gvern Ukren.

L-isplużjoni kkawżat ħsarat sostanzjali f’din l-iskola u anke żviluppaw nirien kbar tant li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar ħadu xejn inqas minn tliet sigħat biex jikkontrollawhom. Uffiċjali Ukreni qalu li kważi kważi il-villaġġ kollu ta’ Bilohorivka kien qiegħed jistkenn ġewwa din l-iskola. S’issa n-numru ta’ persuni mejta għadu mhux magħruf hekk kif il-ħidma biex jitneħħa t-tifrik għadha għaddejja.  

Minn meta bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar, in-Nazzjonijiet Uniti kkalkulat li kien hemm minn tal-inqas 2,345 ċittadin li tilfu ħajjithom kif ukoll 2,919-il Ukren li sofrew ġrieħi. Apparti hekk, eluf ta’ suldati hu mifhum li tilfu ħajjithom jew sfaw feruti fiż-żewġ naħat tal-kunflitt. 

Hu kkalkulat ukoll li xejn inqas minn 12-il miljun persuna kellhom jaħarbu minn djarhom minħabba l-kunflitt, b’5.7 miljuni jitilqu lejn pajjiżi ġirien filwaqt li 6.5 jmorru f’partijiet oħrajn tal-Ukrajna.

Sport