Il-President Ukren Volodymyr Zelensky akkuża lir-Russja b’imġiba barbara wara attakk bil-missili fuq il-port ta’ Odesa.
Dan l-attakk seħħ biss ftit sigħat wara ftehim li ġie ffirmat biss ftit sigħat qabel fejn intlaħaq qbil biex l-Ukrajna tkun tista’ tkompli bl-esportazzjoni tal-qamħ. Skont il-ftehim tal-Ġimgħa, ir-Russja qablet li ma tattakkax il-portijiet waqt vjeġġi tal-qamħ.
L-awtoritajiet Russi ma kkummentawx dwar l-attakk u dawk Ukreni qalu li minkejja l-attakk, għadhom għaddejjin preparazzjonijiet biex jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet.
Minkejja dan is-Sibt li għadda l-President Zelensky qal li dak li seħħ juri kif ir-Russja ma tistax tiġi fdata li żżomm mal-ftehim. Huwa wiegħed li se jagħmel dak kollu possibbli biex jakkwista sistemi ta’ difiża tal-ajru li kapaċi jisparaw missili bħal dawn fil-futur.
L-Ukrajna hija esportatur ewlieni tal-qamħ, iżda minħabba l-gwerra, madwar 20 miljun tunnellata ta’ qamħ li huma maqbuda fil-portijiet tagħha, ma jistgħux jinħarġu minħabba l-forzi Russi. Dan wassal għal nuqqas ta’ ikel u żidiet fil-prezzijiet madwar l-Afrika, li normalment tiddependi fuq l-Ukrajna u r-Russja għall-qamħ li timporta.
Iżda ftit sigħat wara li ġie ffirmat il-ftehim, skont iċ-ċentru ta’ kmand tan-Nofsinhar tal-militar Ukren, żewġ missili laqtu l-port ta’ Odesa. Intqal ukoll li żewġ missili oħra ġew meqrudin minn sistemi ta’ difiża tal-ajru. Fortunatament jidher li l-attakk ma kkawża l-ebda ħsara sinifikanti fil-port.
Fost dawk li kkundannaw l-attakk kien hemm s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken li akkuża lir-Russja li qed tiggrava kriżi globali tal-ikel, u qal li l-attakk tefa’ “dubju serju” dwar il-kredibbiltà tal-impenn tar-Russja li żżomm mal-ftehim.
Minkejja dan kollu, skont il-gvern Tork, li ħabbar dwar il-ftehim qal li r-Russi ċaħdu li huma responsabbli għal dan l-attakk. “Fil-kuntatt tagħna magħhom, ir-Russi qalulna li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ dan l-attakk u li kienu qed jeżaminaw il-kwistjoni mill-qrib ħafna,” qal il-Ministru tad-Difiża Hulusai Akar.