L-Isptar Muniċipali ta’ Magdeburg għadda aġġornament dwar il-kundizzjoni tal-persuni li weġġgħu fl-attakk tal-lbieraħ. Skont id-direttur mediku tal-isptar, Dr. Jörg Franke, 70 pazjent ingħataw kura fl-isptar wara l-inċident, filwaqt li 11 oħra rċevew assistenza minn timijiet mediċi ta’ emerġenza aktar kmieni llum.
“Xi pazjenti kellhom isirulhom interventi fl-immedjat, filwaqt li oħrajn jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva,” spjega Dr. Franke filwaqt li kkonferma li l-11-il pazjent li kienu midruba serjament issa huma barra minn kull periklu.
Intant ġew żvelati aktar dettalji dwar is-suspetti involut fl-attakk. L-awtoritajiet identifikawh bħala tabib Sawdi li kien jaħdem fis-Salus-Fachklinikum Bernburg, klinika speċjalizzata li tinsab 46 kilometru ’l bogħod minn Magdeburg.
Fi stqarrija mxerrda fuq Instagram, il-klinika esprimiet xokk wara li ġie żvelat li l-allegat aggressur kien impjegat bħala speċjalista psikjatriku hemmhekk mill-Marzu 2020. Il-klinika żvelat li s-suspetti kien barra mix-xogħol minn Ottubru li għadda minħabba raġunijiet ta’ mard u btala.
L-istqarrija enfasizzat ukoll il-kooperazzjoni tal-istituzzjoni mal-investigaturi, filwaqt li ddeskriviet l-attakk bħala “orribbli” u esprimiet sogħba kbira għall-vittmi. Madankollu, il-klinika astjeniet milli tagħti aktar dettalji, minħabba illi l-investigazzjoni tal-pulizija li għadha għaddejja.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin hekk kif l-awtoritajiet jaħdmu biex jiskopru aktar dwar is-suspett u x’seta’ kien l-iskop wara l-attakk.
ARA: Il-mument li fih il-karozza nstaqet għal fuq in-nies fil-Ġermanja
Skont ix-xandar pubbliku Ġermaniż ARD, in-numru tal-imwiet mill-attakk fil-villaġġ tal-Milied f’Magdeburg issa żdied għal ħamsa. ARD irrappurtat ukoll li aktar minn 200 persuna ndarbu, żieda kbira mill-figura preċedenti ta’ aktar minn 60. Madankollu, fejn u stmat li madwar 40 minnhom sofrew ġrieħi serji.
Il-Kunsillier tal-ordni pubbliku f’Magdeburg, Ronni Krug, qal li l-villaġġ tal-Milied se jibqa’ magħluq.
Il-Ministeru tal-Intern ħabbar ukoll li l-binjiet uffiċjali fl-istat Ġermaniż ta’ Saxony-Anhalt, fil-Kapitali ta’ Magdeburg, se jtellgħu l-bnadar mezz’asta biex jonoraw il-vittmi tal-attakk.
https://www.facebook.com/share/r/gvdjaDQDwTujMrAh/
8:00 a.m: Tabib arrestat wara li karozza nstaqet għal fuq folla f’villaġġ tal-Milied fil-Ġermanja
Żewġ persuni, inkluż tifel żgħir, mietu u madwar 68 oħra ndarbu, fosthom 15 bi ġrieħi serji, wara li karozza daħlet f’folla f’villaġġ tal-Milied fil-belt ta’ Magdeburg, fil-Ġermanja.
Il-pulizija arrestat lis-sewwieq suspettat, tabib ta’ 50 sena mill-Arabja Sawdija, li kien qed isuq karozza mikrija. Rapporti inizjali jindikaw li dan kien attakk intenzjonat. Iż-żona tal-inċident ġiet saħansitra mblukkata hekk kif kien hemm suspett ta’ splussivi fil-vettura tas-suspettat.
Huwa mifhum li l-persuna arrestata mar jgħix il-Ġermanja fl-2006 u kien jipprattika l-mediċina f’Bernburg, madwar 25 mil fin-nofsinhar ta’ Magdeburg. Awtoritajiet ikkonfermaw li aġixxa waħdu u m’hemmx aktar periklu għaċ-ċittadini.
Il-gvernatur ta’ Saxony-Anhalt, Reiner Haseloff, iddeskriva l-attakk bħala traġedja kbira, filwaqt li s-sindku ta’ Magdeburg, Simone Borris, ħabbret l-għeluq ta’ istituzzjonijiet kulturali fil-belt bħala sinjal ta’ luttu.
Waħda mix-xhieda fuq il-post li tkellmet mal-midja ddeskriviet is-sitwazzjoni makabra hekk kif il-karozza baqgħet dieħla fil-folla mingħajr ebda ħoss u li ħadd ma għajjat jew wissa’ x’kien ġej. Is-sieħeb tagħha sofra ġrieħi f’rasu u f’saqajh, iżda għadha s’issa fliema sptar ittieħed.