Friday, December 27, 2024

Attakk f’Moskea fl-Afganistan iħalli minn tal-inqas 21 persuna mejtin

Aqra wkoll

Splużjoni qawwija ġewwa moskea mballata bin-nies fil-kapitali Afgana Kabul ħalliet minn tal-inqas 21 persuna mejtin u 33 oħra feruti. 

L-isplużjoni seħħet hekk kif kien għaddej it-talb ta’ filgħaxija, u fost dawk mejtin hemm ukoll l-imam ta’ din il-moskea. S’issa għadu mhux magħruf minn kien wara dan l-attakk terroristiku, iżda s-suspetti huma fuq il-militanti tal-Istat Iżlamiku. Dan l-attakk seħħ ġimgħa biss wara attakk suwiċida – wkoll ġewwa Kabul – fejn fih tilef ħajtu mexxej reliġjuż li kien jissimpatizza mat-Taliban. 

Persuni li kienu fuq il-post iddeskrivew kif semgħu splużjoni kbira li heżżet il-madwar u anke kissret il-ħġieġ tat-twieqi. L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li l-isplużjoni seħħet qalb il-folla ta’ dawk miġbura biex jitolbu u għalhekk aktarx li dan kien attakk suwiċida.  Fl-aħħar xhur il-militanti tal-Istat Iżlamiku wettqu numru ta’ attakki terroristiċi ġewwa l-Afganistan. Għall-ewwel huma kienu qed iwettqu dawn l-attakki fil-konfront tal-komunità żgħira Xiti Hazara, iżda issa jidher li qed jifirxu l-mira tagħhom fuq it-Talibani, proprju hekk kif dawn qegħdin ifakkaru l-ewwel anniversarju minn meta reġgħu ħadu t-tmexxija tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport