Saturday, December 21, 2024

Attakk Iżraeljan fuq skola f’Gaża jħalli minn tal-inqas 15-il persuna mejta

Aqra wkoll

Attakk Iżraeljan fuq skola li kienet qed toffri kenn lil Palestinjani spostati ħalla minn tal-inqas 15-il persuna mejta fiċ-ċentru ta’ Gaża.

L-Aġenzija tad-Difiża Ċivili ta’ Gaża mmexxija mill-Ħamas qalet li s-sit fil-kamp ta’ Nuseirat intlaqat minn attakk matul il-jum tal-Ħadd, li qatel familji sħaħ u darab għexieren ta’ persuni oħra.

Aktar qabel, ħamest itfal kienu rrapportati mejta wara attakk bi drone waqt li kienu qed jilagħbu fi triq fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaża.

Kelliem għad-difiża ċivili qal li l-attakk tal-bieraħ seħħ fl-iskola al-Mufti, fejn kien hemm mijiet ta’ persuni spostati minn madwar Gaża biex isibu kenn hemmhekk. Qed ikun irrapportat li l-attakk ħalla midruba xejn inqas minn 50 persuna filwaqt li nqatlu diversi persuni oħra.

Iż-żoni ewlenin tal-kunflitt f’Gaża fl-aħħar jiem kienu fit-Tramuntana, fejn il-forzi Iżraeljani ilhom jintensifikaw l-attakki għal aktar minn ġimgħa bħala parti minn operazzjoni kbira. Minn dakinhar inqatlu mijiet, skont kif irrapportat mill-awtoritajiet ta’ Gaża.

Residenti ta’ Beit Hanoun, Jabalia u Beit Lahiya rrappurtaw li nqatgħu mill-Belt ta’ Gaża fil-qrib, filwaqt li tankijiet Iżraeljani dehru fil-periferija tal-akbar belt tat-territorju.

L-isptarijiet fiż-żona qed jispiċċaw mingħajr provvisti, għalkemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa saħqet li operazzjoni konġunta mas-Salib l-Aħmar reġgħet ipprovdiet dawn il-provvisti lil tnejn minnhom – wara disat ijiem ta’ attentati.

Ekonomija

Sport