Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qanqal polemika oħra u ġibed fuqu kundanni u stmerrija meta infexx f’attakk politiku fuq id-direttur tal-films Rob Reiner u qal li dan x’aktarx li nqatel minħabba r-rabja li kkawża lil ħaddieħor bil-kritika kontinwa tiegħu lil Trump innifsu. Huwa sejjaħ din bħala “Trump Derangement Syndrome,” ossessjoni ta’ moħħ marid.
Rob Reiner u martu Michele Singer Reiner jingħad li nqatlu f’darhom minn binhom stess Nick Reiner li ġie arrestat u qed jinżamm fuq suspett ta’ qtil tal-koppja li nstabu mejta fid-dar tagħhom f’Los Angeles. Nick, li għandu 32 sena qed jinżamm arrestat u ma ngħatax il-libertà proviżorja.
Il-koppja nstabet mejta minn binthom Romy, mejtin fid-dar tagħhom b’diversi daqqiet ta’ sikkina nhar il-Ħadd li għadda.
Rob Reiner, kien magħruf bħala direttur tal-films ċinematografi. Huwa dderiġa diversi films ikoniċi f’varjetà ta’ ġeneri, inklużi When Harry Met Sally, This is Spinal Tap, Stand By Me, Misery u A Few Good Men.
Rob kien iben il-kbir tal-kummiedjant ċelebri Carl Reiner, u beda l-karriera tiegħu fis-snin sittin u sar famuż wara li nterpreta lil Meathead fis-sitcom televiżiva All in The Family. Huwa ssiġilla s-suċċess tiegħu bid-dokumentarju This Is Spinal Tap fl-1984, li dderieġa u ħa sehem fih.
Rob Reiner kien magħruf ukoll għall-attiviżmu politiku qawwi u fil-miftuħ tiegħu u l-appoġġ li kien jagħti lill-kandidati tal-partit Demokratiku.
Dan il-fatt qanqal ir-rezzjoni tal-president Donald Trump li f’post fuq il-midja soċjali tiegħu, waqt li sejjaħ il-mewt tal-koppja Reiner bħala “ta’ dieqa kbira”, Trump ma naqasx milli jattakka lil Reiner tant li qal li dan kien bniedem magħruf li jġennen lin-nies bl-ossessjoni qawwija tiegħu kontra “Donald J. Trump.”
Il-president Trump u l-alleati tiegħu spiss jużaw it-terminu “Trump Derangement Syndrome” b’referenza għal dawk li jikkritikaw lil Trump. Reiner kien kritiku voċiferu vokali ta’ Donald J. Trump.
Trump qanqal maltempata ta’ kundanni u ġibed lejh l-istmerrija anki mir-Repubblikani dwar dak li kiteb fil-konfront ta’ Reiner, inkluża l-eks alleata Marjorie Taylor Greene, li sostniet li l-imwiet huma “traġedja tal-familja, u mhux dwar il-politika jew l-għedewwa politiċi”.
Dwar Nick Reiner il-pulizija qalet li dan ġie arrestat għall-ħabta tad-9.00 ta’ filgħaxija ħin lokali nhar il-Ħadd. L-investigaturi iżda ma tawx dettalji dwar il-mottiv u qalu biss li l-investigazzjoni għadha għaddejja.
Nick Reiner tkellem pubblikament diversi drabi dwar it-taqbida tiegħu kontra l-vizzji u n-nuqqas ta’ dar permanenti. L-esperjenzi tiegħu ta’ barra t-triq iffurmaw il-bażi tal-film semi-awtobijografiku Being Charlie, li huwa kien għamel ma’ missieru fl-2015.

