Wednesday, December 25, 2024

Attakk terroristiku fuq sptarijiet tat-tfal f’Mariupol

Aqra wkoll

L-ibbumbardjar min-naħa tar-Russi wassal sabiex jinqerdu l-isptarijiet tat-tfal u dak tal-maternità f’Mariupol, fin-naħa t’isfel tal-Ukrajna. Skont il-Gvernatur Reġjonali Pavlo Kyrylenko dan l-attakk li ħalla 17-il persuna feruta, inkluż mara waqt il-proċess tal-ħlas, seħħ f’ħin meta suppost kien hemm mumenti ta’ waqfien mill-ġlied. Minkejja li Dmytro Gurin sostna li kien hemm għadd ta’ nisa maqtula u feruti, dan għadu mhux ikkonfermat mill-awtoritajiet lokali. Fil-fehma tal-Kunsill ta’ Mariupol, “għadd ta’ bombi” twaddbu fuq l-isptarijiet tat-tfal u żied li dan l-attakk ikkawża diżastru kbir.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky iddeskriva dan l-attakk bħala wieħed “atroċju” u ċanfar lill-kumplament tad-dinja għax fil-fehma tiegħu hija kompliċi ma’ Putin minħabba li skont Zelensky qed tinjora dan it-terrur li għaddejjin minnu l-Ukreni. Zelensky dan l-aħħar kien qed jagħmel pressjoni fuq l-alleati tan-NATO sabiex dawn jinfurzaw it-twaqqif ta’ titjiriet fuq l-Ukrajna, minħabba li r-Russi qed ikomplu jixħtu l-mira tagħhom fuq l-infrastruttura Ukrena. Min-naħa tagħhom dawn il-pajjiżi qed jibżgħu jieħdu azzjoni minħabba l-biża’ li jekk jintervjenu f’din il-kwistjoni, dan jista’ jwassal għall-bidu tat-Tielet Gwerra Dinjija, gwerra li skont it-theddid Russu se tkun waħda “nukleari u diżastruża”. 

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qies dan l-attakk bħala wieħed mill-iktar “Immorali minħabba li ġew attakkati nies vulnerabbli li mhumiex f’qagħda illi jiddefendu ruħhom”. Barra minn hekk wiegħed li se jkun qed jaħdem sabiex isib modi differenti biex jgħin l-Ukrajna tkompli tirreżisti dawn l-attakki. 

Xi uffiċjali ddeskrivew dan l-attakk f’Mariupol bħala “attakk terrorist” u l-armata Russa bħala “armata Faxxista”. Kyrylenko, fuq il-midja soċjali argumenta li r-Russi “Tilfu kull sens ta’ umanità” u ċanfarhom sabiex ma jibqgħux isejħu lilhom infushom bħala umani. 

Id-Deputat Sindku ta’ Mariupol saħaq li s’issa nqatlu 1,200 persuna f’Mariupol f’dawn il-ġimagħtejn ta’ invażjoni Russa. Zelensky saħansitra argumenta li vittma minnhom hija tarbija li mietet minħabba nixfa kbira. Ir-Red Cross iddeskrivew is-sitwazzjoni preżenti bħala waħda “apokalittika”.

Ilbieraħ l-awtoritajiet ħabbru li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied ħalli r-residenti jingħataw l-opportunità li jitilqu minn Mariupol u postijiet oħra li jinsabu assedjati mir-Russi. Però għad m’hemmx evidenza illi l-evakwazzjoni kienet suċċess. Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin akkuża lir-Russi li qed iżommu 400,000 ruħ bħala ostaġġi fil-belt u qed jimpedulhom kull tip ta’ għajnuna kif ukoll jimblukkawlhom ir-rotot ta’ evakwazzjoni.

Ekonomija

Sport